IFFULLATI

0
1
Belt Valletta

Apparti mit-traffiku, l-iffullar qed jiżdied fit-toroq ewlenin tal-pajjiż. Stagħġibt meta ħbieb barrann li kienu qed iżuru kkummentaw dwar il-folol kull fejn marru jew kważi, fit-toroq tal-Belt. Dan meta kienet għadha tibda r-rebbiegħa.

Ħaġa ovvja li l-iffullar se jiġri l-aktar fl-inħawi prominenti u popolari tal-pajjiż – fil-bliet kapitali u kummerċjali – Mdina – tas-Sliema – u għaliex le? fil-Kottonera…, fil-mużejiet, fil-bajjiet – kif ukoll fit-trasport publiku. Ma jistax jiġi evitat. Minnu nnifsu se joħloq mentalità differenti fost il-Maltin u l-Għawdxin. Se joħloq dwejjaq… diġà qed joħloqhom. 

Biss, skond ma qalli ħabib li jifhem fil-mod kif soċjetajiet jaddattaw ruħhom għaċ-ċirkostanzi, l-iffullar jindara. Li ma tindarax daqshekk malajr hi l-ħtieġa li jġib miegħu għal aktar riżorsi biex isir it-tindif u jinżamm il-manteniment tal-inħawi konċernati, inkluż għal użanzi ġodda fil-prattika tal-iġjene u tas-saħħa publika.

APPOĠĠ GĦAL IŻRAEL

Żmien ilu, waqt laqgħa ma’ ambaxxatur Iżraeljan, semmejt kif matul is-snin, kont rajt l-appoġġ popolari kbir barrani li l-Iżrael gawda sa tmiem is-snin 60 tas-seklu l-ieħor jiċkien u jiċkien. Ma tantx deher preokkupat bil-biċċa. Dan qabel l-attakk tal-Hamas ta’ Ottubru 2023. Minn dak iż-żmien lil hawn, il-fehma negattiva dwar Iżrael fost miljuni ta’ ċittadini mhux Għarab fl-Ewropa u l-Istati Uniti baqgħet tiżdied.

Milli jidher, ħafna Iżraeljani għadhom iqisu li dan hu effett tal-antisemitiżmu li baqa’ ħaj. Għalhekk hemm bżonn ta’ Iżrael b’saħħtu, igħidu – biex iservi ta’ protezzjoni għal-Lhud tad-dinja kontra l-antisemitiżmu. Imma hemm Iżraeljani oħra li, inkwetati b’li qed jiġri, qed iwissu li Iżrael ma jistax jispiċċa fattur li donnu qed jipprovoka l-anti-semitiżmu.

L-ISTESS 

Is-suspett jeżisti li problema fondamentali għall-Partit Nazzjonalista hi li m’għandux politika differenti minn tal-Partit Laburista. Talanqas fuq livell ta’ stqarrijiet u argumenti, fil-prattika l-mexxejja tal-PN donnhom iridu jimxu fuq l-istess linji ta’ tmexxija bħal-Labour – f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ekonomija, politika soċjali u affarijiet barranin. Veru li ġieli jsemmu oqsma ekonomiċi ġodda li jridu jfaqqsu u jkabbru. Imma meta tifli sew is-sustanza tas-suġġerimenti, ftit tista’ tqishom bħala proposti li huma ġodda tassew. 

Filfatt, jekk fhimt tajjeb, id-differenza li donnhom jinsistu fuqha hi aktar kif kieku kienu jinsabu fil-gvern, kienu jmexxu aħjar. Imma ma narax kif din il-pożizzjoni tista’ tkun konvinċenti fi żmien fejn il-gvern qed jirnexxielu jsostni rata ta’ tkabbir ekonomiku impressjonanti u politika soċjali “ġeneruża”. Bl-aktar mod naturali, ċ-ċittadin għandu kull inċentiv li jibqa’ jafda f’min diġà qed jikseb dawn ir-riżultati u mhux lil min iwiegħed li jekk jiġi fdat hu bit-tmexxija, se jagħmel l-istess.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here