“L-akbar premju jibqa’ l-fatt li nkunu stajna ngħinu lil min kellu bżonn”

- Dr Patrick Farrugia - Chairperson tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei

0
3

Il-ħidma fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei hija waħda mill-aktar impenjattivi fis-servizz tas-saħħa f’Malta. Kuljum, tobba, infermiera, paramediċi u professjonisti oħra tas-saħħa jaffaċċjaw pressjoni kontinwa biex jipprovdu kura lil mijiet ta’ pazjenti li jfittxu l-għajnuna tagħhom. Għal Dr Patrick Farrugia, Chairperson tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, is-suċċess tad-dipartiment ma jistax jiġi attribwit lil persuna waħda.

Riċentement, id-Dipartiment ingħata rikonoxximent waqt il-Public Service Awards, unur li Farrugia jqis bħala premju għall-impenn kollettiv ta’ kulħadd.

“Dan l-unur ma jirrappreżentax lili. Jirrappreżenta dipartiment sħiħ. Kull persuna tagħti l-kontribut tagħha u kulħadd huwa importanti. Meta taħdem fl-Emerġenza tifhem li mingħajr tim magħqud ma tistax tagħmel differenza.”

L-unur kien jinkludi wkoll ir-rikonoxximent tal-ħidma mwettqa waqt il-maltempata Harry, waħda mill-aktar sfidi riċenti li kellu jaffaċċja l-isptar.

“Kienet maltempata diffiċli ħafna, iżda x-xogħol ma waqafx. L-ambulanzi baqgħu jiġru, il-pazjenti baqgħu jaslu u t-tobba u l-infermiera baqgħu jiġu għax-xogħol minkejja l-kundizzjonijiet ħżiena.”

Huwa jfakkar b’mod partikolari lill-professjonisti li kienu Għawdex dak il-jum.

“Kellna tobba u ħaddiema oħra li telgħu Għawdex biex jagħtu s-servizz tagħhom u mbagħad spiċċaw weħlu hemmhekk minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar. Oħrajn kellhom jaħdmu aktar sigħat minn dak ippjanat għax il-kollegi tagħhom ma setgħux jaslu. Dak huwa l-ispirtu li jiddistingwi lil dan id-dipartiment. In-nies jaħdmu minn qalbhom.”

Fil-fatt, il-President’s Award kien rikonoxximent għal kull min ta sehmu, kemm barra kif ukoll ġewwa l-isptar.

“Kien hemm nies li ħadmu fuq barra u oħrajn li baqgħu jaħdmu ġewwa l-isptar. Kull persuna kellha rwol essenzjali. L-Emerġenza hija sforz ta’ tim sħiħ. Kulħadd huwa importanti u kulħadd jagħmel differenza.”

Madankollu, apparti ċ-ċirkostanzi straordinarji bħal maltempati, l-akbar sfida tibqa’ l-ammont dejjem jikber ta’ pazjenti li jidħlu fl-Emerġenza kuljum.

“Sa sena ilu, meta konna naraw madwar 300 persuna kuljum, kienet titqies bħala ġurnata eċċezzjonalment impenjattiva. Illum il-ġurnata, din saret in-norma.”

Huwa semma kif saħansitra l-ġurnata ta’ qabel l-intervista, l-Emerġenza ta’ Mater Dei rat 307 pazjenti adulti.

“Qed nitkellmu dwar Malta biss. Jekk iżżid magħhom ukoll il-każijiet li jidħlu f’Għawdex, il-figura tkun ogħla. Il-post huwa dak li hu u l-ispazju għandu l-limitazzjonijiet tiegħu.”

Minkejja dan, hemm pjanijiet biex is-servizz jissaħħaħ.

“Qed naħdmu fuq proġett ta’ estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza. Il-pjanti diġà qegħdin jitfasslu u dan se jgħinna nipprovdu servizz aħjar u aktar effiċjenti.”

Ir-rwol ta’ Farrugia jmur ferm lil hinn mill-kura diretta tal-pazjenti.

“Jiena Direttur Kliniku u fit-teorija suppost inkun qed nara l-pazjenti wkoll, iżda taħti jaqgħu ħafna responsabbiltajiet oħra. L-Emerġenza ta’ Għawdex taqa’ taħti, il-programmi ta’ taħriġ mal-MCAST jaqgħu taħti, kif ukoll numru ta’ proġetti u inizjattivi oħra.”

Farrugia jifhem il-frustrazzjoni ta’ dawk li kultant ikollhom jistennew sigħat biex jiġu eżaminati.

“Ħafna nies iqisu l-kwalità tas-servizz skont kemm jinqdew malajr. Għandhom raġun jixtiequ servizz aktar veloċi, iżda l-kwalità klinika hija daqstant importanti. Dik ma nistgħux nieħduha kif jgħidu l-Ingliżi for granted.”

Huwa sostna li l-għan ewlieni tal-Emerġenza huwa li kull pazjent jingħata l-kura meħtieġa, skont il-prijorità medika tiegħu.

“L-importanti huwa li tittieħed id-deċiżjoni klinika t-tajba u li l-pazjent jirċievi l-aħjar kura possibbli. Xi kultant dan jirrikjedi aktar ħin, iżda s-sigurtà tal-pazjent trid tibqa’ dejjem l-ewwel prijorità.”

Sfida oħra li qed tiffaċċja l-Emerġenza hija dik relatata mal-użu ta’ sustanzi.

“Mhux l-alkoħol biss. Hemm diversi tipi ta’ drogi li n-nies qed jużaw. Ir-realtà nbidlet u qed naraw sitwazzjonijiet differenti minn dawk li konna naraw ftit tas-snin ilu.”

Għalkemm m’hemmx statistika preċiża dwar iż-żieda fl-użu tagħhom, Farrugia jgħid li hemm ċerti perjodi fejn dawn il-każijiet jiżdiedu.

“Meta jkollna avvenimenti kbar, weekends jew festivals, naraw konċentrazzjoni akbar ta’ każijiet relatati mal-użu ta’ sustanzi. Dawn huma realtajiet ġodda li rridu nkunu ppreparati għalihom.”

Filwaqt li s-sajf huwa sinonimu ma’ mistrieħ u divertiment, Farrugia appella għall-prudenza.

“Il-Maltin inħobbu s-sajf u għandna ngawduh. Imma rridu nagħmluh b’responsabbiltà.”

Huwa saħaq fuq l-importanza li wieħed joqgħod attent għax-xemx u jieħu ħsieb persuni vulnerabbli, speċjalment l-anzjani.

“L-anzjani m’għandniex inħalluhom waħedhom, partikolarment waqt perjodi ta’ sħana qawwija. Irridu niżguraw li jkunu qed jixorbu biżżejjed ilma u li jkollhom ambjent frisk.”

Farrugia wissa wkoll dwar il-perikli li jistgħu jinħolqu waqt attivitajiet marbuta mas-sajf.

“Il-baħar irridu nużawh sew. Naraw diversi każijiet ta’ korrimenti serji kull sena. Xi drabi bi ftit sekondi ta’ traskuraġni persuna tista’ tbati konsegwenzi li jdumu ħajjitha kollha.”

Huwa semma b’mod partikolari l-perikli ta’ qbiż f’postijiet mhux adattati.

“Jekk taqbeż f’post fejn m’hemmx fond biżżejjed jew fejn hemm xi ostaklu, hemm ċans li tispiċċa b’korriment serju ħafna, anke paralizzat. Għalhekk irridu ngawdu s-sajf, iżda b’rasna fuq għonqna.”

Fl-aħħar mill-aħħar, Dr Patrick Farrugia jibqa’ jemmen li l-akbar saħħa tad-Dipartiment tal-Emerġenza tinsab fin-nies li jaħdmu fih.

“L-unuri jagħtuna sodisfazzjon, iżda l-akbar premju jibqa’ l-fatt li nkunu stajna ngħinu lil min kellu bżonnna. L-Emerġenza ma tinbena fuq persuna waħda, iżda fuq tim sħiħ ta’ professjonisti li kuljum jagħtu l-aħjar tagħhom għall-pazjenti.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here