Tuesday, April 30, 2024

Iċ-Champions League se tikber għal 36 team

Aqra wkoll

In-numru ta’ timijiet fiċ-Champions League se jitla’ minn 32 għal 36 mill-istaġun 2024-25 taħt bidliet approvati mill-UEFA.

Taħt il-format il-ġdid, kull team se jilgħab tmien logħbiet fuq 10 ġimgħat ta’ partiti.

Tnejn mill-erba’ postijiet addizzjonali se jingħataw fuq il-bażi tal-pajjiżi bl-ogħla prestazzjoni f’kull staġun individwali tal-kompetizzjoni tal-clubs tal-UEFA.

Il-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, qal li dan ifisser li “l-ħolma li tipparteċipa tib­qa’ għall-clubs kollha”.

Proposta preċedenti biex jingħataw żewġ postijiet fiċ-Champions League lill-clubs fuq il-bażi tal-prestazzjoni storika tagħhom fil-kompetizzjoni Ewropea mhux se tidħol fis-seħħ.

Skont din il-proposta miċħuda, dawn il-postijiet kienu jiġu assenjati fuq il-bażi ta’ koeffiċjenza tal-club.

Il-kritiċi sostnew li dan kien jiffavorixxi lill-clubs tradizzjonalment ‘akbar’ u jipprovdilhom xibka ta’ sigurtà li kieku kellhom prestazzjoni ħażina fi staġun.

“Illum il-UEFA uriet biċ-ċar li aħna impenjati bis-sħiħ li nirrispettaw il-valuri fundamentali tal-isport u li niddefendu l-prinċipju ewlieni tal-kompetizzjonijiet miftuħa, bi kwalifika bbażata fuq il-mertu sportiv, kompletament konformi mal-valuri u l-mudell sportiv Ewropew ibbażat fuq is-solidarjetà,” qal Ceferin.

Ceferin qal li l-format il-ġdid ġie approvat unanimament mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA, bi qbil mal-korpi tal-kampjonat tal-Ewropa u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali.

Huwa żied jgħid: “Il-kwalifika għalhekk tibqa’ purament ibbażata fuq il-prestazzjoni sportiva u l-ħolma li tipparteċipa tibqa’ għall-clubs kollha.”

Il-format attwali se jara timijiet maqsuma fi tmien gruppi ta’ erbgħa, li jilagħbu lil xulxin f’pajjiżhom u barra minn pajjiżhom fuq sitt logħbiet.

L-ewwel tnejn f’kull grupp jgħaddu għall-aħħar 16 meta jsir tournament knockout, bil-logħob jintlagħab fuq żewġ legs, qabel il-finali f’post newtrali fuq partita waħda.

Il-format il-ġdid se jara li l-fażi inizjali jkun fiha klassifika waħda tal-kampjonat, li tinkludi t-timijiet kollha.

Kull club se jilgħab tmien logħbiet fl-istadju tal-kampjonat kontra avversarji differenti, b’erba’ home u erbgħa away.

L-aqwa tmienja se jgħaddu għall-fażi tan-knockout, filwaqt li dawk mid-disa’ sal-24 post se jikkompetu fi play-off b’żewġ legs biex jagħmlu progress.

Il-UEFA żiedet tgħid li “Bidliet simili fil-format se jiġu applikati wkoll għall-Europa League (tmien logħbiet fl-istadju tal-kampjonat) u l-Europa Conference League (sitt logħbiet fl-istadju tal-kampjonat) u t-tnejn se jinkludu wkoll 36 team fil-fażi tal-kampjonat”.

Kienet il-pressjoni mill-partitarji tal-football madwar l-Ewropa li ġiegħlet lill-UEFA biex fl-aħħar tabbanduna l-pjani biex tippermetti lill-iktar clubs sinjuri tal-kontinent jaċċessaw iċ-Champions League abbażi tal-prestazzjoni tal-passat.

Oriġinarjament il-UEFA pproponiet l-idea li tgħaddi żewġ postijiet fil-kompetizzjoni prestiġjuża lil timijiet li spiċċaw barra mill-postijiet ta’ kwalifika fil-kampjonati domestiċi tagħhom, abbażi tas-suċċess fil-kompetizzjoni Ewropea matul il-ħames staġuni preċedenti.

Sport