Saturday, December 21, 2024

Iċ-Ċina u l-Gwerra ġewwa l-Ukrajna

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fl-isfond tal-bumbardamenti mill-armata Russa fuq bliet ewlenin Ukreni, diversi analisti tal-politika internazzjonali qegħdin isegwu b’attenzjoni kbira dak li qiegħda tagħmel iċ-Ċina vis-a-vis ta’ din il-gwerra. Sa issa, il-Gvern Ċiniż qiegħed ikun kawt ħafna rigward dak li qiegħed jiġri ġewwa l-Ukrajna. Dan minkejja li ftit ġimgħat qabel bdiet il-gwerra, Xi Jinping, il-mexxej Ċiniż u Vladimir Putin kienu ddikjaraw li bejn iż-żewġ pajjiżi jeżisti patt “ta’ ħbiberija mingħajr limiti”.

Iċ-Ċina tistenna

Mid-dikjarazzjoni taż-żewġ mexxejja li semmejna, wieħed kien jistenna li dawn iż-żewġ pajjiżi kbar kienu sejrin jingħaqdu f’alleanza politika bbażata fuq tmexxija awtokratika li tikkaratterizza l-gvernijiet tagħhom. Però, allanqas sa issa, ċ-Ċina għażlet li toqgħod fil-ġenb rigward dan il-kunflitt.

Diversi sezzjonijiet tal-media internazzjonali qegħdin jgħidu li Xi Jinping jaf li minkejja d-differenza fl-ideoloġija li jħaddan pajjiżu u dik tal-pajjiżi tal-punent, pajjiżu għandu ħafna x’jitlef jekk jiksirha mal-pajjiżi tan-NATO fuq il-kwistjoni tal-Ukrajna kemm il-darba jiddeċiedi li jgħin b’mod uffiċjali lil Putin, speċjalment f’dik li hija għajnuna sabiex tigi mtaffija d-daqqa li taw is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja, sanzjonijiet li konna tkellimna fuqhom f’artiklu preċedenti ġewwa din il-paġna. Dejjem skont dawn l-analisti politiċi, hemm ċans kbir li ċ-Ċina ċċedi għall-pressjoni tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha u tibqa’ newtrali, kemm direttament kif ukoll indirettament, rigward dan il-kunflitt.

Għalhekk, huwa mistenni li ċ-Ċina tibqa’ tosserva l-andament tal-gwerra ġewwa l-Ukrajna mbagħad tirreaġixxi kif jaqblilha skont iċ-ċirkostanzi.

X’tagħmel iċ-Ċina f’każ ta’ rebħa ta’ Putin?

Kemm il-darba r-Russja jirnexxielha tirbaħ il-gwerra mall-Ukrajna u fuq kollox jirnexxielha tegħleb l-ostakolu tas-sanzjonijiet finanzjarji, Xi Jing jista’ jirkeb fuq il-karru li bħalissa qiegħed iseħħ dak kollu li ċ-Ċina ilha s-snin tgħid, jiġifieri li huwa inevitabbli li jkun hemm deterjorazzjoni tal-influwenza tal-pajjiżi tal-Punent fil-politika internazzjonali. 

B’dan il-mod tkun qiegħda sseħħ il-ħolma ddikjarata kemm ta’ Xi Jinping kif ukoll ta’ Vladimir Putin li l-pajjiżi tad-dinja jinqasmu fi gruppi taħt l-influwenza ta’ pajjiżi kbar. Dan il-mudell iħalli barra kompletament l-importanza li ngħataw id-drittijiet tal-bniedem fil-politika tal-punent. Skont dawn iż-żewġ mexxejja, id-drittijiet tal-bniedem huma l-katalisti għall-politika tad-demokraziji tal-punent, politika li huma minbarra li jistmerruha, jarawha wkoll bħala l-akbar theddida għar-reġimi rispettivi tagħhom.

Barra minn hekk, iċ-Ċina qiegħda tosserva b’attenzjoni kbira l-mod ta’ kif Putin qieghed jipprova jegħleb is-sanzjonijiet sabiex hija sserraħ moħħha li hemm mod ta’ kif hija tkun tista’ tiġġieled sanzjonijiet simili kemm il-darba jiġu mposti fuqha jekk hija tattakka lit-Tajwan.

Jekk jitlef Putin?

Naturalment, telfa għal Putin kemm militarment kif ukoll rigward is-sanzjonijiet, tagħti daqqa ta’ ħarta lil Xi Jinping minħabba li l-politburo Ċiniż jista’ jiġġudika d-deċiżjoni li jagħmel id-dikjarazzjoni ta’ ħbiberija inkundizzjonata ma’ Putin bħala żball politiku kbir. 

Xenarju bħal dan jaf jamplifika l-ħsara fuq il-karriera ta’ Xi Jinping minħabba li fix-xhur li ġejjin huwa sejjer ikun qieghed jipprova jieħu t-tielet term ta’ tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż.

L-aktar xenarju possibli

Minkejja l-antipatija li ghandu Xi Jinping lejn il-politika li jhaddnu l-pajjizi tal-punent, huwa jaf li pajjiżu stagħna bil-mudell preżenti tal-politika mondjali mhux bħar-Russja, li dejjem ppruvat toqgħod lura kemm tista’ fil-kummerċ mal-punent, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ taż-żejt u tal-gas naturali.

Għalhekk, hemm ċans kbir li Xi Jinping joqgħod lura ħafna milli jagħti xi forma jew oħra ta’ għajnuna lil Putin matul din il-gwerra li għaddejja bħalissa.

L-aktar xenarju vantaġġjuż għal Xi Jinping jista’ jiġi minn rebħa għal Putin li però tiġi wara gwerra li tkun ħadet fit-tul u li allura tkun ġabet l-ekonomija Russa kompletament għal irkupptejha. B’dan il-mod, Xi Ping ikollu moħħu mistrieħ li t-tmexxija tar-Russja tibqa’ f’idejn Putin u fl-istess ħin dan tal-aħħar ikollu ta’ bilfors jitlob għall-għajnuna miċ-Ċina sabiex jerġa’ jirkupra wara l-gwerra. B’hekk iċ-Ċina tkun tista’ tuża xi portijiet fit-tramuntana tar-Russja li tant ilha titlob sabiex tespandi l-kummerc taghha. Permezz ta’ xenarju bħal dan, ir-Russja tkun ukoll f’pożizzjoni li tkun tista’ tixtri l-fjuwil u l-gass mingħand Putin bi prezzijiet verament vantaġġjużi. Fuq kollox, iċ-Ċina tkun tista’ tuża l-esperjenza kbira li għandha r-Russja fuq il-produzzjoni ta’ armament nukleari.

Ifred u saltan

Xi Jinping, l-istess bħal Putin, jaf li l-uniku mod ta’ kif ir-Russja toħroġ rebbieħa fuq kull binarju f’din il-gwerra huwa li l-għaqda li hemm bejn il-membri tan-NATO kontra l-istess Putin b’ xi mod jew ieħor tixxellef. 

Bħalissa, ċ-Ċina għaddejja bi strateġija fina ħafna li permezz tagħha qiegħda tipprova ddawwar l-opinjoni pubblika taċ-ċittadini tal-punent kontra l-għajnuna mill-punent għall-Ukrajna permezz ta’ dikjarazzjonijiet minn esponenti ewlenin tat-tmexxija Ċiniża, dikjarazzjonijiet li huma ntiżi sabiex jifirdu lill-pajjizi tal-punent. Fost dawn id-dikjarazzjonijiet, tispikka dik li għamel il-ministru tal-affarijiet barranin Russu li l-Istati Uniti qiegħda titfa’ fuq l-Ewropa t-toqol ta’ din il-gwerra bir-refuġjati u biż-żidiet fil-prezzjiet tal-enerġija.

It-triq ‘il quddiem tal-pajjiżi tal-punent għandha tkun dik li appuntu tmur kontra dan l-inbix Ċiniż, u li allura tinżamm l-għaqda li ironikament ġabet din il-gwerra fost il-pajjiżi membri tan-NATO, wara snin twal ta’ bruda bejniethom. 

Fuq kollox, il-pajjiżi tal-punent għandhom jinkoraġġixxu lil dawk minn fosthom li bħalissa għandhom relazzjonijiet tajbin mar-Russja, fosthom l-Italja u l-Ungerija, sabiex jimxu fuq l-eżempju tal-Ġermanja u jieqfu jagħmlu n-negozju mar-Russja. B’dan il-mod ikunu qegħdin jagħtu risposta lil Xi Jinping li huma sejrin jibqgħu magħqudin kontra mexxejja awtoritarji bħalu u fuq kollox bħal Vladimir Putin.

Ekonomija

Sport