Saturday, December 21, 2024

Id-deheb li ma jitkejjilx bil-karat

Kuċċarina għasel. Kelmtejn żgħar u sempliċi li jostru warajhom dinja meraviljuża. Dinja fejn il-ħaddiema – kollha nisa – jagħmlu xogħolhom b’reqqa u bżulija, f’armonija mal-bqija tan-natura u ma’ xulxin. Dinja fejn il-kliem ma jeżistix, imma hemm komunikazzjoni perfetta xorta waħda. Dinja fejn id-deheb ma jitkejjilx bil-karat iżda b’gelgul ħlewwa li jfejjaq il-ġrieħi u jbiegħed il-mard. Fi kliem ieħor, daqs 5000 naħla ħadmu bla heda u taru mal-miljun mil biex inti qed tressaq dik il-kuċċarina għasel lejn xofftejk.

Fiż-żiffa melliesa ta’ ftit wara tlugħ ix-xemx, fil-wied ħiemed lil hinn minn Għar Dalam, in-naħal li jrabbu Ray Sciberras u Denise Camilleri diġà bdew il-ħidma ta’ jum ġdid. Ħidma li dan l-aħħar wasslet biex l-għasel li jagħmlu huma u sħabhom fi nħawi oħra ta’ Malta jirbaħ id-deheb fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-London International Honey Awards (LIHA). Din kienet l-ewwel darba li għasel Malti ħa sehem f’din il-kompetizzjoni.

Ray u Denise, li jipproduċu l-għasel taħt it-tikketta Golden Island, irabbu n-naħal f’diversi postijiet madwar Malta, fosthom fis-siti ta’ Heritage Malta f’Tas-Silġ, Għar Dalam u San Pawl Milqi. Minbarra f’dawn is-siti, għandhom kaxxi tan-naħal fil-Palazz ta’ Sant’Anton u l-Palazz Verdala kif ukoll fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Ilhom jipproduċu l-għasel mill-2008 u l-prodotti tagħhom huma mfittxijin ħafna, kemm lokalment u anke barra minn Malta. Ħadt gost nismagħhom jitkellmu b’passjoni dwar xogħolhom, u fuq kollox dwar ix-xogħol kbir ta’ ħlejqa ċkejkna li fuqu tistrieħ ħafna l-eżistenza tal-bniedem f’din id-dinja, u li meta ssir taf fiex jikkonsisti ġġib għajnejk wara widnejk. Tant huma siewja n-naħal għall-għajxien tal-bniedem, li għadd ta’ kunsilli lokali ftit ilu ftiehmu li ma jnaqqux fjuri minn trejqiet rurali fil-lokalitajiet tagħhom mill-aħħar ta’ Novembru sal-aħħar ta’ Mejju biex jgħinu lin-naħal f’xogħolhom – xi ħaġa li Heritage Malta tagħmel ukoll fi wħud mis-siti tagħha.

F’kull kaxxa jgħixu mal-50,000 naħla, kollha nisa ħlief għal xi 200 u b’reġina waħda li ssaltan fuqhom ilkoll. In-naħal ħaddiema, jiġifieri n-nisa, jgħixu għal madwar sitt ġimgħat, l-irġiel jgħixu għal xi xahrejn, filwaqt li ħajjet ir-reġina ttul bejn sena u sentejn. Ir-rwol tar-reġina hu li tbid mal-2000 bajda kuljum biex tpatti għall-ħajjiet relattivament qosra ta’ dawk ta’ madwarha u tiżgura li ċ-ċiklu jibqa’ dejjem għaddej – wieħed irid iqis ukoll li naħla tieħu daqs 24 jum biex minn bajda ssir fosdqa u mbagħad tfaqqas. Biex in-naħal jiżguraw li meta r-reġina tixjieħ ikollhom min jeħdilha postha, iqiegħdu ftit mill-bajd fertilizzat f’ċella speċjali fix-xehda u jżoqquh b’dak li hu magħruf bħala ‘royal jelly’.

Sadanittant, il-ħidma ta’ kuljum barra l-kaxxa ma taqta’ xejn. Kull darba li toħroġ mill-kaxxa, in-naħla ttir sa tliet kilometri ’l bogħod u tidħol fil-fjuri. Bi lsienha tieħu n-nektar, li hu bħal ilma biz-zokkor, u tniżżlu fl-istonku tagħha filwaqt li bil-bqija ta’ ġisimha tiġbor it-trab dakkari (ismu miegħu) li bih iddakkar fjura wara l-oħra u tiżgura r-riproduzzjoni tagħhom. Lura fil-kaxxa tagħha, in-naħla ttella’ n-nektar mill-istonku u tgħaddih lil naħal oħra. L-enzimi tan-naħla, li jkunu tħalltu man-nektar, ’il quddiem jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-għasel. Dawn l-enzimi jvarjaw skont ir-razza tan-naħla.

F’dan l-istadju n-nektar ikollu kontenut ta’ ilma ta’ madwar 70%. Biex iniżżlu dan il-perċentwal għal inqas minn 20%, in-naħal inixxfuh billi jperpru ġwenħajhom repetutament. Meta jkunu sodisfatti li n-nektar għandu l-konsistenza mixtieqa, jissiġillawh fiċ-ċelel tax-xehda.

Kull vjaġġ barra l-kaxxa jieħu madwar siegħa u f’jum wieħed in-naħla tagħmel diversi vjaġġi. Ix-xemx, jew aħjar l-angolatura tagħha mal-art, hi l-għodda li n-naħal jużaw biex jinnavigaw. Bl-għajnuna tagħha, mhux biss isibu triqthom lura lejn il-kaxxa rispettiva tagħhom iżda wkoll jimmemorizzaw id-direzzjoni preċiża ta’ siġar ġodda li jiskopru. U l-ikbar meravilja hi li malli jaslu lura fil-kaxxa, jgħarrfu lil sħabhom dwar fejn eżatt jinsabu dawn is-siġar ġodda billi jagħmlu ‘żifna’ f’nofshom. Sħabhom jifhmu l-messaġġ mill-ewwel, u bla dewmien jitilqu jfittxu dan is-sors ġdid ta’ nektar.

Kull sena n-naħal ta’ Ray u Denise jipproduċu tliet ħażniet ta’ għasel. Il-ħażna tar-rebbiegħa tiġi minn fjuri ta’ pjanti differenti bħall-fidloqqom, is-silla, iċ-ċitru u x-xewk. Il-ħażna tas-sajf tiġi biss mis-sagħtar, flwaqt li dik tal-ħarifa ġejja mill-ħarrub u l-ewkaliptu. Għal Ray u Denise, is-saħħa tan-naħal u s-sostenibbiltà fil-mod kif jiġi prodott l-għasel huma saħansitra aktar importanti mill-għasel stess. Fil-fatt, meta jasal żmien il-ħażna dejjem joqogħdu attenti li lin-naħal jeħdulhom biss dak li hu żejjed biex b’hekk fix-xehda jkollhom biżżejjed ikel għal meta jkun il-maltemp u ma jkunux jistgħu joħorġu jiġbru n-nektar.

Il-proċess tal-ħażna jibda billi l-ewwel nett jinħarġu mill-kaxxi t-tilari (frames) biċ-ċelel issiġillati li semmejna qabel. F’kull kaxxa jkun hemm bejn disgħa u tmintax-il tilar li kull wieħed minnhom jiflaħ daqs kilo u nofs għasel. L-ewwel pass ikun li minn fuq kull tilar titqaxxar il-kisja xama’ li biha n-naħal ikunu ssiġillaw iċ-ċelel. Din ix-xama’ għandha użu varjat ħafna – minn ingredjent fi prodotti tal-kożmetika għal lostru tal-għamara u, ovvjament, ix-xemgħat li aħna l-bnedmin inħobbu nixegħlu f’okkażjonijiet differenti fil-ħajja ta’ kuljum.

Kull tilar imbagħad jitqiegħed fi strinġitur, fejn jiddawwar b’ħeffa kbira biex minnu jinħareġ l-għasel. It-tilari vojti fl-aħħar jitpoġġew lura fil-kaxxi biex in-naħal jibdew ħidmithom mill-ġdid.

Ray, li l-professjoni tiegħu qabel ma sar produttur tal-għasel full-time kienet dik ta’ kimiku industrijali, spjegali li l-kwalitajiet li għandu l-għasel biex jilqa’ kontra l-mard ilhom sekli twal magħrufa mill-bniedem, u hu u Denise qed jesperimentaw u jimirħu f’dan il-qasam ukoll. Fis-Sacra Infermeria, ngħidu aħna, il-kavallieri kienu jqiegħdu l-għasel fi bwieqi tal-fidda, billi l-fidda wkoll għandha kwalitajiet li jaħdmu kontra l-mikrobi. Kienu jħawdu l-għasel, u b’hekk frak mikroskopiku tal-fidda jitħallat miegħu, imbagħad iqegħduh direttament fuq il-feriti tal-pazjenti fl-infermerija.

“Hija ħasra kbira li l-Maltin mhux dejjem japprezzaw l-għasel li tagħmel arthom stess. Dan meta aħna, bħala poplu, għandna n-naħla Maltija li hi endemika għal pajjiżna u meta isem pajjiżna stess – Melite – ifisser għasel.”

Idealment il-Maltin jikkonsmaw għasel Malti, mhux biss għax għandna għasel tajjeb (ovvjament dak li hu prodott b’mod ġenwin u mhux taparsi għasel) imma wkoll għax meta bniedem jiekol għasel tal-lokalità tiegħu stess, l-għasel jgħinu jrabbi immunità kontra elementi li jikkawżaw l-allerġiji,” saħaq Ray.

Fl-isfond, in-naħal komplew fuq xogħolhom, bla ebda kas ta’ dak li kont se nikteb fuqhom. Għax jafu li anke jekk il-qawwa tal-pinna taf tkun ikbar minn tax-xabla, is-setgħa tagħhom fuq l-andament tad-dinja u l-ħajja tal-bniedem tisboq kull kobor ieħor.

Ekonomija

Aqra Wkoll