Tuesday, April 30, 2024

L-Uragan Nicholas jikkawża maltemp u għargħar f’Texas u Louisiana

Aqra wkoll

L-Uragan Nicholas laqat lill-istat ta’ Texas fil-kosta tal-Istati Uniti, u ġab miegħu xita qalila kif ukoll għargħar deskritt bħala “ta’ theddida għaċ-ċittadini”. Kawża ta’ dan l-uragan 320,000 persuna jinsabu mingħajr provvista tal-elettriku. Min-naħa tiegħu l-President Amerikan Joe Biden iddikjara stat ta’ emerġenza ġewwa Louisiana kif ukoll offra assistenza federali lil dan l-istat. 

Dan kollu qiegħed iseħħ ġimgħa biss wara li l-Uragan Ida – il-ħames l-ikbar uragan li qatt laqat lill-Istati Uniti – ħalla numru ta’ persuni mejta u miljuni ta’ residenti ġewwa l-istess Louisiana mingħajr provvista tal-elettriku. 

Fil-preżent Nicholas għandu saħħa ta’ riħ ta’ madwar 120 kilometru fis-siegħa, u skont dak prevvist dan mistenni li jolqot iż-żona ta’ Houston b’iktar minn 18-il pulzier ta’ xita.  

Il-US National Hurricane Centre wissa li hemm possibbiltà kbira li żoni urbani jintlaqtu minn għargħar li jista’ jkun ta’ theddida għall-ħajja taċ-ċittadini. Il-gvernatur ta’ Louisiana John Bel Edwards, f’konferenza tal-aħbari­jiet, qal li jrid ikun żgurat li kulħadd ikun ippreparat għal din il-maltempata. Fil-preżent ġewwa Louisiana diġà hemm 119,000 residenza u negozji li għadhom mingħajr provvista tal-elettriku kawża tal-Ura­gan Ida. Min-naħa tiegħu l-gvernatur ta’ Texas Greg Abbott iddikjara stat ta’ emerġenza fi 17-il county u tlett ibliet. Is-Sindku ta’ Houston Sylvester Turner wissa dwar għargħar u ħeġġeġ lit-2.3 miljun resident ta’ din il-belt biex joqogħdu ’l bogħod mit-toroq. Kawża tal-maltemp għexieren ta’ skejjel f’żewġ stati kellhom jingħalqu kif ukoll kellhom jiġu kkanċellati mijiet ta’ titjiriet fl-ibliet ta’ Corpus Christi u Houston ġewwa Texas. 

Sport