L-Ewroparlamentari Laburisti Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada pproponew pakkett ta’ emendi għas-sistema Ewropea tal-kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u għar-regoli marbuta magħha, bl-għan ewlieni li jħarsu l-interessi ta’ Malta u Għawdex fuq livell Ewropew. Il-proposti, mħejjija f’isem id-delegazzjoni Laburista, jindirizzaw b’mod komprensiv diversi setturi importanti, fosthom it-trasport marittimu, l-avjazzjoni, il-produzzjoni tal-enerġija, t-trattament tal-iskart u l-aċċess għall-finanzjament tad-dekarbonizzazjoni, kif ukoll il-konnettività bejn Malta u Għawdex, bil-għan li r-regoli jqisu aħjar ir-realtajiet tal-gżejjer u jiffaċilitaw l-investiment f’teknoloġija u infrastruttura aktar nodfa u sostenibbli.
Il-proposti jibnu fuq diskussjonijiet fit-tul mal-entitajiet u l-industriji affettwati, kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea u mal-partiti politiċi Ewropej.
“Għal Malta u Għawdex, il-konnettività bil-baħar u bl-ajru hija kruċjali. Fuqha jiddependu l-provvisti tal-iktar affarijiet essenzjali bħall-ikel, ix-xorb u l-mediċini, il-materja prima u l-ekonomija tagħna b’mod ġenerali. L-ispejjeż marbuta mat-transport jinħassu fil-prezzijiet li jħallsu l-familji kuljum. Għalhekk, il-miri ambjentali jridu jimxu id f’id ma’ konnettività affidabbli u aċċessibbli. Irridu regoli li jqisu r-realtajiet tagħna u appoġġ konkret biex l-operaturi jinvestu f’trasport aktar nadif mingħajr piżijiet sproporzjonati fuq il-familji u n-negozji,” qalu Thomas Bajada u Daniel Attard, membri tal-Kumitati Parlamentari responsabbli minn din il-leġislazzjoni.
Waħda mill-proposti ewlenin tindirizza l-iżbilanċ kummerċjali bejn dak li Malta timporta u dak li tesporta. Il-bastimenti jistgħu jaslu b’tagħbija kbira u jitilqu b’ħafna inqas merkanzija. L-emendi jipproponu li, fuq rotot diretti speċifiċi bejn portijiet tal-UE u Stati Membri gżejjer, l-obbligu tal-ETS jitqies skont kemm mill-kapaċità tal-bastiment tkun fil-fatt qed tintuża għall-merkanzija f’kull vjaġġ. B’hekk, għal Stati Membri gżejjer, jitħallas l-ETS fuq kemm qed jinġarr, u mhux fuq kull vjaġġ.
L-emendi jipproponu wkoll li mill-inqas 20% tar-riżorsi tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ għas-settur marittimu, jkunu riżervati għall-kumpaniji żgħar u medji, għall-operaturi ta’ rotot marittimi qosra, għall-ferries u għall-bastimenti li jaqdu l-gżejjer u r-reġjuni periferiċi, inklużi rotot ta’ servizz pubbliku. Dan l-appoġġ jgħin fit-tiġdid tal-bastimenti u fl-użu ta’ fjuwils u teknoloġiji aktar nodfa, filwaqt li jħares il-konnessjonijiet essenzjali għall-passiġġieri u għall-merkanzija.
Il-proposti jfittxu li aktar teknoloġiji marittimi sostenibbli jkunu eliġibbli għall-appoġġ, li tiżdied l-għajnuna fuq rotot lejn il-gżejjer u li jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll ċerti rotot koperti minn deroga tal-ETS.
L-emendi jindirizzaw ukoll it-tugs li jipprovdu servizzi essenzjali fil-portijiet, fosthom l-irmonk u l-assistenza lill-bastimenti biex jidħlu u joħorġu mill-irmiġġ, biex ikollhom aċċess ġust u proporzjonat għall-appoġġ. Fir-regoli marittimi marbuta mal-ETS, l-Ewroparlamentari Laburisti jipproponu rekwiżiti aktar sempliċi ta’ monitoraġġ u rappurtar għal ċerti bastimenti iżgħar li jipprovdu konnessjonijiet essenzjali bejn il-gżejjer jew mal-kontinent, mingħajr ma tiddgħajjef l-integrità ambjentali tas-sistema.
B’mod partikolari, l-emendi jindirizzaw ukoll l-estenzjoni tad-deroga preżenti fuq konnessjonijiet għal gżejjer żgħar sal-2040, filwaqt li jsejħu għal finanzjament dirett mill-istess ETS għad-dekarbonizzazjoni ta’ dawn il-flotot. Dan huwa partikolarment importanti għall-konnessjoni marittimu bejn Malta u Għawdex, bl-Ewrodeputati jsostnu li din id-deroga u l-estenzjoni tagħha ma jindirizzawx il-limitazzjoni strutturali u permanenti tal-insularita doppja, u li b’hekk, ikun aktar ideali jekk din tkun deroga aktar permanenti.
Fuq l-avjazzjoni, l-Ewrodeputati Laburisti jipproponu li l-appoġġ għall-fjuwils sostenibbli jiġi estiż sal-2040 u li jiżdiedu sostanzjalment il-kwoti riżervati għal dan il-għan. F’ċerti każijiet, jitolbu li l-appoġġ ikopri 100% tad-differenza li jkun għad fadal fil-prezz bejn dawn il-fjuwils u l-fjuwil konvenzjonali, minflok it-30% propost. Jipproponu wkoll arranġamenti aktar flessibbli biex il-linji tal-ajru jibbenefikaw minn dan l-appoġġ, b’salvagwardji ċari għall-benefiċċji ambjentali.
Il-pakkett jindirizza wkoll l-aċċess għall-finanzjament Ewropew biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Ewroparlamentari jitolbu li l-installazzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-assistenza finanzarja tal-Bank għad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali. Jipproponu wkoll appoġġ speċifiku għal proġetti iżgħar u assistenza teknika għal pajjiżi li ftit jibbenefikaw mill-Fond għall-Innovazzjoni.
L-emendi jfittxu wkoll li d-dħul mill-ETS ikun jista’ jappoġġja t-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-ekonomija wiesa’ fil-gżejjer, filwaqt li jipprevedu arranġamenti ta’ tranżizzjoni għall-infrastruttura ġdida tal-immaniġjar tal-iskart. Jindirizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġi evitat ħlas doppju għall-istess emissjonijiet taħt sistemi Ewropej u internazzjonali, u li jingħata appoġġ lill-ħaddiema u lill-komunitajiet affettwati.
Il-proposti għall-emendi saru fil-Kumitat tal-Ambjent, li huwa l-kumitat ewlieni tar-regolament, kif ukoll il-Kumitat tat-Trasport, li tagħhom, l-Ewroparlamentari Laburisti Thomas Bajada u Daniel Attard huma membri. Dawn il-proposti għadhom jeħtieġu qbil waqt innegozjati fil-proċess leġiżlattiv Ewropew qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.

