Carlos Alcaraz rebaħ l-ewwel titlu tiegħu minn meta rritorna minn waqfa ta’ erba’ xhur minħabba injury, wara li għeleb liċ-Ċek Jiri Lehecka 7-6(4), 6-4 fil-finali tal-Japan Open f’Tokjo.
Alcaraz, l-ewwel seed u ċ-champion renjanti, kellu jitbaħat ħafna kontra Lehecka, li jinsab fid-19-il post fid-dinja, qabel kiseb l-ewwel trofew tiegħu minn meta rebaħ il-Qatar Open fi Frar.
Dan kien it-tielet tournament tiegħu minn meta rritorna wara injury fil-polz, wara li wasal sal-kwarti tal-finali tal-US Open u pparteċipa fil-Laver Cup.
Dan kien it-tielet titlu ta’ Alcaraz din is-sena u s-27 wieħed fil-karriera tiegħu. Ir-rebħa waslet ftit sigħat wara li Jannik Sinner, in-numru wieħed fid-dinja, ħabbar li kien se jtemm l-istaġun qabel iż-żmien minħabba injury kontinwa fl-irkoppa.
Alcaraz issa mistenni jipparteċipa fis-Shanghai Masters, li jibda nhar l-Erbgħa.




