Friday, December 20, 2024

“Id-delegazzjoni tal-PL kellha tagħmel sforzi waħidha f’din l-leġiżlatura”

Sant jisħaq li biex Malta timxi 'l quddiem id-delegazzjoni l-ġdida trid tkun waħda solidali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Huwa importanti li d-delegazzjoni Maltija – Laburista u nittama Nazzjonalista fil-Parlament li ġej jkunu solidali favur l-interess Malti, xi ħaġa li mhux daqstant dehret f’din il-leġiżlatura.” Iddikjara dan ma’ Talk.mt il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant meta mistoqsi dwar x’futur jara għal pajjiżna fil-ħidma tiegħu fil-PE hekk kif ninsabu biss ftit xhur bogħod minn elezzjoni li se tkun qiegħda tara l-għażla ta’ delegazzjoni ġdida għall-ħames snin li jmiss. Sant kompla biex jgħidilna li fl-opinjoni tiegħu f’din il-leġiżlatura d-delegazzjoni Maltija tal-Partit Laburista kellha tagħmel sforzi waħidha biex ċertu inizjattivi li ma marrux favur l-interess ta’ Malta ma jibqgħux mexjin ’il quddiem jew tal-anqas jitilfu mill-importanza tagħhom.

Rigward din il-leġiżlatura huwa rrikonoxxa li kienet waħda li b’xi mod jew ieħor tħarbtet ftit minħabba l-pandemija tal-Covid u aktar tard il-gwerra fl-Ukrajna. Dan wassal biex numru ta’ inizjattivi kruċjali li kienu nbdew minħabba l-istrateġija tal-UE minħabba l-mandat li tagħfas fuq id-diġitalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tisħin fil-klima tħarbtu xi ftit. Sant qal li madanakollu bħalissa hemm sforz kbir biex kemm jista’ jkun il-liġijiet li baqgħu lura jgħaddu, anke jekk dawn qegħdin joħolqu ċertu problemi. 

“Lil hinn minn hekk, fil-pożizzjoni ta’ Malta kien hemm affarijiet li dejquna ħafna, bħal pereżempju l-għafsa ta’ ċertu nies fil-PE biex jirriflettu fuq il-qagħda ta’ Malta, fl-opinjoni tiegħi b’verżjoni żbaljata ta’ x’inhuma l-affarijiet fil-pajjiż dwar affarijiet ta’ interess pubbliku. Ċertu affarijiet li għandhom iseħħu bħala riformi fil-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima, ġew imbuttati b’mod li mhuwiex ġust għal pajjiżi żgħar bħal tagħna li jiddependu fost l-oħrajn fuq it-titjiriet bl-ajru biex jitwasslu t-turisti lejn pajjiżna”, kompla biex jgħid Sant filwaqt li fakkar li bil-ħidma tad-delegazzjoni Laburista, inizjattiva bħalma kienet li jiżdied l-prezz tal-fjuwils fuq l-ajruplani mhijiex se tgħaddi f’dan il-mandat.

Sant kompla biex jelabora li qiegħed ikun hemm sforzi biex l-Unjoni Ewropea timxi ’l quddiem fosthom inizjattivi bħalma hija dik li t-taxxi jiġu armonizzati mal-Ewropa kollha – xi ħaġa ma tantx taqbel għall-interess Malti, imbagħad inizjattivi oħra li jmorru biex tiżdied is-sigurtà u d-difiża bħala politika komuni tal-Unjoni Ewropea – li x’aktarx tista’ titqies bħala skoll ieħor fid-dawl tal-attitudni u l-politika ta’ newtralità kostituzzjonali li għandna f’Malta. 

F’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet tal-lum u ta’ għada bħala membru sħiħ tal-UE, Sant tenna li dawn għandhom min-naħa Maltija jkunu ffukati iżjed fuq x’inhu l-interess Malti. Sant sostna li dan m’għandux isir b’sens populista jew sens nazzjonalista estrem, iżda għax verament gżira ċkejkna bħal tagħna li huwa l-iżgħar fost l-istati membri, irid jaqdi bis-sħiħ biex isemma leħnu mhux biss biex ikollha President tal-PE, iżda biex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu tabilħaqq fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Ekonomija

Sport