Sunday, December 22, 2024

Id-demm tal-vittma kien instab ma’ ħajt fir-residenza tal-akkużat

Aqra wkoll

11:40: L-Ispettur qal li l-istadju li jmiss kien li nikkoraboraw din l-informazzjoni ma’ oħra. B’kollox relevanti għall-każ inġabru mal-101 downloads ta’ CCTVs minn postijiet differenti f’ħinijiet differenti. Xħin bagħatna request lil LESA bagħtulna wkoll li fid-29 ta’ Marzu, 00.43 a.m., il-vettura Peugeot 407 kien inqabad bi speed camera fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard direzzjoni lejn l-Imrieħel. Fl-istess jum, ftit sigħat wara l-istess vettura nqabdet ukoll nieżla lejn l-Imrieħel. 

“Għamilna time frame ta’ x’ġara eżatt. Tajt ordni sabiex isiru downloads tas-CCTV mill-kamera li taqbad mill-karozza biex inkunu ċerti sal-5 ta’ April sa meta l-pulizija skoprew il-vettura u l-iktar camera viċin ta’ Mario biex inkunu ċerti li qatt ma reġa’ lura d-daħal kif fil-fatt kien.”

“Tkellimna ma’ waħda mill-ġirien tiegħu u familjari tiegħu. Sirna nafu li beda jaħdem taxi driver f’Diċembru tal-2021 biex itejjeb il-pensjoni tiegħu ‘l quddiem. L-iktar ħaġa importanti li ħarġet minn dawn kien li sirna nafu li fit-22 ta’ Marzu, eżatt qabel ħuh kien siefer, kien mar isuq il-Mario u Mario qallu xi ħaġa li huh baqa’ jahseb fuqha kien qallu li għandu problema kemm ilu jahdem bit-taxi minħabba li qed iqabbduh 2 persuni imdaħħlin fid-droga u ma kienx jaf kif se jaqtgħalhom. Kien qalilna li ma kinux iħallsuh… Irriżulta wkoll li Mario kien jibża’ jgħid le. Irriżulta li Mario qatt ma kellu problemi mal-pulizija.”

“L-awtopsja saret fis-7 ta’ April ta’ din is-sena. Kont preżenti jien u l-Ispettur Jean Paul Attard. Minn hemm sar magħruf li Mario kellu madwar 45 daqqa ta’ sikkina. Ikkonfermajna li kollha kienu fuq in-naħa tal-lemin.”

L-Ispettur żied jgħid: “Inħareġ warrant kontra Ramsey Abukem għall-fatt li telefonata li saret lil Mario fit-28 ta’ Marzu kienet mill-mobile ta’ Ramsey. Tlabt li tinħareġ warrant ukoll kontra Elena Sousnea ta’ nazzjonalità Rumena. Dan għall-fatt li skoprejna li kien hemm 2 calls waħda minnhom 28 ta’ Marzu fl-10:22 u call oħra fit-29 ta’ Marzu fis-1.00 a.m. li kienu saru mill-mobile ta’ Mario għal din Elena. 

“Xħin morna għall-arrest ta’ Elliot kellna nużaw il-forza biex nidħlu ġewwa għall-fatt li xħin bdejna nħabbtu ma’ fetaħ ħadd”

L-Ispettur kompla jgħid: “Minn hemm ħejjejna operazzjoni li saret fit-13 ta’ April u kienet tinvolvi li l-arrest ta’ Elliot, Ramsey u Elena kollha flimkien. Xħin morna għall-arrest ta’ Elliot kellna nużaw il-forza biex nidħlu ġewwa għall-fatt li xħin bdejna nħabbtu ma’ fetaħ ħadd u li kien magħruf magħna li ġieli kien hemm drabi anke ħarab mid-dar u biża’ ta’ intralċ ta’ provi.”

“Dħalna fir-residenza u hemm sibna lil Elliot, ħuh, ommu u missieru. Arrestajnieh u bdejna ntuhom ordnijiet biex jersqu lura. Kont tajtu l-mandat u infurmajtu fuqiex kien arrestat u spjegajtlu d-drittijiet tiegħu. Elliot kien eċitat ħafna, u beda jgħidlu “xi provi għandkom” u ried iċempel lill-Avukat.

Elliot kien preżenti waqt it-tfittxija kollha li saret u kkopera mal-pulizija. Il-ġenituri tiegħu kienu eċitati ħafna. Instabu madwar 9 pocket knifes li ġew elevati, balla waħda ta’ 9mm u ġakketta li seta’ kien biha dakinhar tar-reat.”

“Ġiet innutata ma’ ħajt partikolari, ma’ ħajt viċin il-kamra tiegħu, li kien hemm qisu xi tiċpis ta’ dmija’

“Waqt f’din it-tfittxija ġiet innutata ma’ ħajt partikolari, ma’ ħajt viċin il-kamra tiegħu, li kien hemm qisu xi tiċpis ta’ dmija. Ġabu apparat apposta li bih jaraw aktar fid-dettall u kkonfermaw li dan kienu demm. Ittieħdu kampjuni minnhom u l-għada sar magħruf li dan id-demm kien tal-vittma Mario Farrugia. “

Ġiet interrogata Natalia Hernandez, li kienet it-tfajla li nstabet ma’ Ramsey. Din wieġbet kull mistoqsija u ħareġ li kienet qed tgħix miegħu u l-aħħar li raw lil Elliott kien għat-28 ta’ Marzu meta Elliot mar iżurhom. 

Qalet li bejn it-28 u d-29 ta’ Marzu żgur li hi baqgħu d-dar dak il-lejl kollu. Qalet li kien għad-9.30 p.m. meta Elliot telaq mid-dar tagħhom. 

Mill-interrogazzjoni ta’ Ramsey li ġie interrogat fl-14 ta’ April. Huwa wieġeb għal kull mistoqsija, li fit-28 ta’ Marzu Elliot kien mar iżurhom fl-Imsida u kien l-aħħar darba li ra lil Elliot. Qal li dak il-lejl baqa’ d-dar minħabba l-kundizzjonijiet tal-bail tiegħu.

Ikkonferma li Elliot qabel ma telaq kien għamel telefonata mill-mobile tiegħu u ċempel lit-taxi driver tiegħu. Qal li kien jaf li jismu Mario imma qatt ma rah. 

Kollox ikkorrabora u rriżulta li Elliot telaq dak il-ħin iżda Ramsey u Matalia l-indikazzjonijiet kienu li baqgħu d-dar. Mis-CCTVs irrizulta li kien Mario Farrugia li ġabar lil Elliot minn dik ir-residenza.

Ġie analizzat il-mobile ta’ Ramsey fejn irriżulta li dak il-ħin il-mobile baqa’ l-imsida. 

Ġiet interrogata Elena Sousneya fil-15 ta’ April, li wieġbet għall-mistoqsijiet kollha li sarulha. Qalet li kienet ilha taf lil Elliot minn meta kienet taħdem f’xi club. Qalet li kienet irċeviet żewġ calls mill-mobile ta’ Mario Farrugia. Qalet li hi ma tafux iżda saret tafu mill-midja. Li tiftakar li waħda mit-telefonati li kienet fit-28 ta’ Marzu għall-ħabta tal-10.20 p.m. u kien Elliot li ċempilla mill-mobile ta’ Mario. It-telefonata l-oħra tat-29 ta’ Marzu qalet li din ma tiftakariex.

“Elliot kien jidher eċċitat ħafna u kellu bżonn id-drogi”

Fit-28 ta’ Marzu għall-ħabta tal-10.30 p.m. eżatt wara li wieġbet telefonata mingħand Elliot hija kienet marret id-dar tiegħu sabiex iżżr lil ħuh Glen għax kienet ħabiba tiegħu. 

Fit-28 filgħaxija eventwalment Elliot ratu d-dar u jidher eċċitat ħafna u kellu bżonn id-drogi. Qalilha li żgur ma kellux flus biex jixtri d-drogi, iżda hi mbagħad telqet mid-dar u kienet l-aħħar darba li ratu. 

Elliot Paul Busuttil ġie interrogat darbtejn; l-ewwel fl-14 ta’ April ta’ din is-sena u darba oħra fil-15 ta’ April. Huwa għażel li ma jwieġeb għall-ebda mistoqsija iżda f’ċertu mistoqsijiet huwa deher li kien eċitat.

Huwa kien imressaq il-Qorti fil-15 ta’ April quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. L-investigazzjonijiet issoktaw qegħdin fi stadju fejn l-espert tagħna estratt mill-apparat ta’ Elliot fejn qed jiġi eżaminat. Ġie mgħoddi lilu mill-espert irriżulta li dan ir-ritratt itteħed 29 ta’ Marzu fis-1.31 p.m. mill-mobile ta’ Elliot u nstab fit-trash tal-mobile.

10:40: “Peress li kellna kameras tajbin ħafna mill-ewwel, l-ewwel suspett tagħna possibilment kien Elliot”

L-Ispettur Wayne Camilleri stazzjonat l-Iskwadra kontra l-Omiċidji beda biex qal li fil-5 ta’ April li għadda ġie infurmat għall-ħabta tal-10.30 a.m. li fi Triq il-Wied, Ħal Qormi nstabet vettura Peugeot 407 u minnha jinnutaw li kien hemm riħa tinten ħierġa mill-bagoll possibilment ta’ xi ħadd bla ħajja li kienet ilha hemm. Kien hemm xi dmija.

Huwa qal li kien mar fuq il-post u ltaqa’ mal-Ispetturi Jean Paul Attard u Dorianne Tabone. Qal li seta’ jinnota r-riħa kif ukoll il-likwidu aħmar nieżel mal-karozza. Ġiet adottata proċedura li waqt li tinfetaħ il-vettura jkun kollox video-recorded. 

Biex ma ssirx ħsara lill-vettura provajna naraw jekk kienx hemm spare key tal-karozza. Ta ordni lil kuntistabbli sabiex imur fl-appartament fejn joqgħod Mario Farrugia f’Pembroke sabiex jipprova jsib xi spare key tal-vettura. 

Qal li rnexxielu jsib spare key u ġie lura biha. Fil-bagoll instab katavru ta’ persuna maskili, wiċċu kien mgħotti b’xi flokk. Apparti r-riħa qawwija li kien hemm u kien fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, seta’ jinnota li fuq il-parti ta’ sidru kien mimli kollu demm, possibilment kienu daqqiet ta’ sikkina. 

Il-katavru kien ilu mejjet minn tal-inqas sitt ijiem

Ġie wkoll l-espert Dr Mario Scerri maħtur fl-inkjesta li qalilna li l-katavru kien ilu mejjet minn tal-inqas sitt ijiem. Fuq il-katavru ma nstabu l-ebda oġġetti, kulma nstab kien arloġġ biss fuqu. 

Meta l-familjari ġew infurmati x’kien liebes, mill-ewwel qalilna li possibilment kien Mario. Madankollu, sa dak il-ħin ma kienx għadu identifikat. Il-katavru ttieħed fil-Kamra Mortwarja u l-karozza ġiet ittowjata għall-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Il-vettura kienet tpoġġiet hemm fit-30 ta’ Marzu għall-ħabta tas-6.10a.m.

Kienet kruċjali li niddeterminaw il-karozza meta tpoġġiet hemm u fi xħin. Bdejna naraw CCTV footages tal-area tal-madwar u stajna niddeterminaw li l-vettura kienet tpoġġiet hemm fit-30 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-6.10 a.m. Deher ukoll persuna maskili li kien qed isuq il-vettura jinżel minnha, kien liebes maskra tal-Covid sewda.

Innutajna li dan il-bniedem kien liebes kollox iswed però kif ħareġ mill-karozza kellu bħal xugaman blu jimsaħ idu wara li pparkja l-karozza. Xħin segwejna l-persuna sar determinat li mexa minn fejn waqfet il-karozza tul il-wied kollu, qabeż il-klabb tal-boċċi u minn hemm possibbiltà li qabad xi vettura oħra. 

“Peress li kellna kameras tajbin ħafna mill-ewwel, l-ewwel suspett tagħna possibilment kien Elliot Paul Busuttil billi dan kien diġà magħruf mal-pulizija. Wara bdejna naraw x’konnessjoni kien hemm ta’ Elliot mal-vittma. Kien hemm numru ta’ telefonati bejn xulxin. 

“Irriżulta li fit-28 ta’ Marzu, għall-ħabta tad-9.30 p.m., il-mobile ta’ Mario kien qiegħed Pembroke u l-mobile ta’ Elliott kien l-Imsida. Sirna nafu li fid-9.34 p.m. Mario kien irċieva telefonata u wara kien iċċaqlaq minn Pembroke u mar l-Imsida. Minn dan il-ħin sa ma ntefa ż-żewġ mobiles kienu qed jagħtu lokazzjoni li kienu flimkien. Indikazzjoni possibbli li kienu l-ħin kollu flimkien.

“Baqgħu jimmarkaw li kienu Ħ’Attard sat-29 ta’ Marzu 00.24 a.m. Għall-ħabta tas-1.00 a.m. il-mobiles kienu jimmarkaw li qegħdin il-Marsa. Fit-29 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-2.35 a.m., l-aħħar lokazzjoni tal-mobile ta’ Mario li kellna kienet Marsa/Ħal Qormi u Elliot kien Ħal Qormi u hemmhekk il-mobile ta’ Mario ntefa’ għall-ewwel darba.

“Fit-29 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-6.34 a.m., il-mobile ta’ Mario nxtegħel u ntefa’ mill-ewwel għal erba’ sekondi u mmarka li kien Ħ’Attard. Dak il-ħin il-mobile ta’ Elliot kien Ħ’Attard ukoll.”

10.00a.m.: Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima dalgħodu bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Elliot Paul Busuttil ta’ 38 sena residenti Ħ’Attard li jinsab mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia u li ħeba l-katavru. 

Busuttil jinsab mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu sikkina mingħajr liċenzja, li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. 

Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke kien instab maqtul fil-bagoll tal-vettura tiegħu b’diversi daqqiet ta’ sikkina f’sidru. Huwa nstab mejjet fil-5 ta’ April li għadda fil-wied ta’ Ħal Qormi.

Farrugia kien irrapportat nieqes fit-28 ta’ Marzu, 2022, fl-akwati tar-residenza tiegħu u kien qiegħed jagħmel użu minn vettura Peugeot 407 ta’ lewn griż. 

B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija kienet arrestat ukoll tliet persuni oħra, raġel u żewġ nisa, li jinsabu bil-police bail.

Il-prosekuzzjoni fil-każ kontra Busuttil qiegħda titmexxa mill-Avukati George Camilleri, Kaylie Bonnet u Maria Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Jean-Paul Attard.

L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Busuttil. L-Avukati Keith Borg, Jacob Magri u Arthur Azzopardi qed jidhru parte civile għall-familjari tal-vittma.

Ekonomija

Sport