Saturday, April 18, 2026

“Id-demokrazija mhix biss ir-responsabbiltà tal-politiċi jew tal-gvernijiet”

Aqra wkoll

“Id-demokrazija mhix biss ir-responsabbiltà tal-politiċi jew tal-gvernijiet. Id-demokrazija tibda min-nies”, dan qalu id-Deputat Speaker, waqt li ppresieda s-sessjoni finali tal-Mini Assemblea Ewropea fil-Parlament.

Id-Deputat Speaker, David Agius indirizza lill-parteċipanti u saħaq fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni ċivika u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet fit-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea.

It-tema ta’ din is-sena, “Nsaħħu t-Tessut tad-Demokrazija Ewropea: it-Tisħiħ tal-Parteċipazzjoni Ċivika u l-Fiduċja fl-Istituzzjonijiet,” ġabret flimkien studenti Maltin u barranin li pparteċipaw f’simulazzjoni tal-funzjonament tal-Parlament Ewropew. Waqt din is-sessjoni, il-parteċipanti rrappreżentaw diversi pajjiżi Ewropej, iddiskutew kwistjonijiet ewlenin mill-perspettivi tal-istati membri rispettivi tagħhom u ressqu emendi għar-riżoluzzjoni ppreżentata.

Fid-diskors tiegħu, David Agius saħaq li d-demokrazija Ewropea hija mibnija fuq valuri komuni bħall-libertà, l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Madankollu, dawn il-pedamenti qed jiffaċċjaw sfidi minħabba l-instabbiltà globali, id-diżinformazzjoni, il-populiżmu, it-tibdil fil-klima u diffikultajiet ekonomiċi.

Id-Deputat Speaker innota li sfidi bħal dawn, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment, se jkomplu jevolvu. Għalhekk, huwa importanti li niftakru li “d-demokrazija mhix biss ir-responsabbiltà tal-politiċi jew tal-gvernijiet. Id-demokrazija tibda min-nies” u li, permezz tal-kooperazzjoni, is-solidarjetà u impenn kondiviż għall-paċi u l-prosperità, dawn il-valuri jistgħu jibqgħu  jiġu rispettati u msaħħa anke waqt li dawn l-isfidi globali jkunu għaddejjin.

Id-Deputat Speaker irrimarka li l-parteċipazzjoni ċivika u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet huma marbuta flimkien u huma essenzjali għall-funzjoni effettiva tad-demokrazija. Huwa saħaq li l-istituzzjonijiet, għandhom kontinwament jaħdmu biex jiksbu u jżommu l-fiduċja tal-pubbliku permezz tat-trasparenza, r-responsabbiltà u l-involviment.

Waqt li indirizza lill-parteċipanti, Agius fakkarhom ukoll fir-responsabbiltà li ġġorr magħha l-parteċipazzjoni, speċjalment fix-xenarju diġitali tal-lum, fejn it-tixrid ta’ informazzjoni mhux affidabbli, jkompli jippreżenta sfidi kontinwi. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa tal-litteriżmu tal-midja u t-tisħiħ tal-ħsieb kritiku biex tiġi miġġielda l-informazzjoni żbaljata u tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Agius appella lill-parteċipanti biex jibqgħu impenjati għar-responsabbiltà ċivika u biex ikollhom rwol attiv fl-iżvilupp tas-soċjetà, fejn stqarr li “Il-futur tad-demokrazija fl-Ewropa se jkun definit mill-impenn tagħkom, il-valuri tagħkom, u r-rieda tagħkom li tipparteċipaw.”

Waqt din is-sessjoni kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-NSTF, is-Sur Francis Stivala. Is-sessjoni ġiet indirizzata mill-President tal-Parlament Ewropew, Dr Roberta Metsola, permezz ta’ indirizz virtwali, kif ukoll mill-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, u minn Bernice Bonello.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport