Meta fadal sitt partiti għat-tmiem tas-Serie A, l-attenzjoni prinċipali se tkun mixħuta fuq il-leaders Inter li għandhom vantaġġ ta’ disa’ punti fuq l-eqreb rivali, Napoli, u għaldaqstant għandhom bżonn 10 punti oħra (minn massimu ta’ 18) biex jiġu dikjarati champions, dejjem jekk it-timijiet ta’ warajhom ma jwaqqgħux punti.
In-Nerazzuri kienu fl-azzjoni tard ilbieraħ filgħaxija kontra Cagliari.
Ta’ nota huwa l-fatt li lbieraħ stess ħarġet l-aħbar li l-coach, Cristian Chivu, aċċetta li jġedded il-kuntratt hekk kif it-taħditiet ġew konklużi b’mod mill-aktar pożittiv.
B’Napoli u Milan jinsabu fit-tieni u fit-tielet pożizzjonijiet issa l-attenzjoni tkun mixħuta fuq it-taqtiegħa għar-raba’ pożizzjoni li bħalissa hija mimlija minn Juventus.
Il-Bianconeri għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Como u tlieta fuq Roma u hekk kif fadal sitt partiti, kollox jista’ jseħħ.
Juventus v Bologna – F’darhom Juventus jibdew favoriti biex jiksbu t-tliet punti meta jilqgħu lil Bologna.
Huma jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa tant importanti li rreġistraw għand Atalanta bl-iskor ta’ 1-0 fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
L-avversarji tagħhom, Bologna, proprju nhar il-Ħamis ġew eliminati mill- UEFA Europa League minn Aston Villa.
Iżda l-istaġun tagħhom mhuwiex mitmum minħabba li għandhom ċans tajjeb li jikkwalifikaw għall- UEFA Conference League.
Roma v Atalanta – Roma jospitaw lil Atalanta f’dik li hija meqjus bħala partita delikata minħabba li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
Telfa għalihom tkun tfisser it-tmiem tat-tamiet tagħhom biex ikomplu jisfidaw għar-raba’ post.
Il-Giallorossi jinżlu għal din il-logħba b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Pisa.
Min-naħa tal-Bergamaschi, dawn iridu jinsew id-diżappunt tat-telfa kontra Juventus li kienet waħda kruċjali minħabba li ddeterminat ukoll l-istaġun tagħhom.
Issa ċ-ċans tagħhom huwa post fil-UEFA Conference League.

