Saturday, April 18, 2026

Premier League: Għajnejn kulħadd fuq l-Etihad għal-logħba bejn Man City u Arsenal

Aqra wkoll

Meta l-klassifika tal-Premier League Ingliż, hi kif inhi, il-logħba l-kbira bejn il-leaders Arsenal u t-team ta’ warajhom, Manchester City, waslet tant li għada l-Ħadd għall-ħin it-té għajnejn kulħadd se jkunu mitfugħa fuq il-logħba ta’ bejniethom li se ssir fl-Etihad Stadium.

Dan meta bħalissa s-City għandhom sitt punti żvantaġġ iżda lagħbu logħba inqas mill-Gunners u jekk jirbħu għada u l-logħba li jridu jirkupraw jistgħu jkunu huma li jitilgħu fil-quċċata.

Min-naħa l-oħra l-vantaġġ li għandu t-team ta’ Pep Guardiola huwa li m’għandu l-ebda distrazzjoni taċ- Champions League, kuntrarju għal dak ta’ Mikel Arteta li se jkollu s-semi-finali kontra Atletico Madrid li eliminaw lil Barcelona waqt li huma għelbu lil Sporting CP.

Fil-kampjonat iż-żewġ ti­mijiet ġejjin minn riżultati kuntrastużi, Arsenal tilfu 2-1 f’darhom kontra Bournemouth u s-City għelbu lil Chelsea 3-0 fi Stamford Bridge. Mill-aħħar sitt logħbiet is-City rebħu 14-il punt u Arsenal 13.

Rebħa għall-Gunners tressaqhom aktar viċin it-tit­lu waqt jekk jirbħu s-City l-affarijiet jiżvolġu l-kuntrarju waqt li bi draw l-aktar li jgawdu jkunu Arsenal għax kollox jibqa’ kif inhu u tkun tnaqqset logħba oħra.

It-team fit-tielet post, Manchester United, li ġejjin minn telfa mhux mistennija f’darhom kontra Leeds United, se jmorru għand Chelsea meta t-taqtiegħa għall-postijiet fiċ-Champions League qed tintensifika ruħha.

Bħalissa l-Blues jinsabu fis-sitt post seba’ punti wara l-United meta bejniethom hemm Aston Villa u Liverpool. Id-differenza tal-punti bejn iż-żewġ timijiet ġejja mill-aħħar sitt logħbiet li kellhom fejn it-team ta’ Michael Carrick rebaħ 10 punti waqt li dak ta’ Liam Rose­nior rebaħ erbgħa biss.

Aston Villa, li jinsabu b’55 punt daqs il-United ġew miżmuma draw 1-1 minn Nottingham Forest.

Il-Villa jridu joqogħdu attenti minn Sunderland għax anke barra minn darhom jafu jissorprendu.

Tliet punti wara nsibu lil Liverpool li se jkunu nvoluti fid-Derby ta’ Merseyside meta se jkunu barra minn darhom bosta triqat u estates ‘il bogħod minn Anfeld u fil-Hill Dickinson Stadium.

Jekk ir-Reds iridu jkunu fiċ-Champions League jridu jirbħu din il-logħba meta anke t-Toffeemen iridu jik­sbu post fl-Ewropa, ikun l-Ewropa League jew il- Conference League.

Il-programm jibda llum għall-ħin tal-ikel meta Brentford u Fuham ikunu nvoluti fid-derby ta’ Londra meta t-tnejn jistgħu jidħlu fl-Ewropa wkoll, fejn għall-Bees tkun l-ewwel darba fl-istorja tagħhom.

Leeds United se jkunu f’Elland Road biex jilqgħu lil Wolves li jistgħu jiġu re­legati fi tmiem din il-ġimgħa skond kif jiżvolġu l-logħ­biet ta’ fuqhom. Huma ġejjin minn telfa umiljanti ta’ 4-0 kontra West Ham wara li kienu ilhom weqfin 25 ġurnata.

Min-naħa tal-Whites huma ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 għand Manchester United li virtwalment issiġillatilhom id-destin tagħhom għall-istaġun li ġej grazzi għaż-żewġ goals li skorja Noah Okafor.

F’St James Park, Newcastle se jiltaqgħu kontra Bournemouth li se jerġgħu jkunu away wara r-rebħa għand Arsenal waqt li l-Magpies sfaw megħluba 2-1 għand Crystal Palace.

Il-manager Eddie Howe jrid joqgħod attent minħabba li hemm postu fin-nofs meta donnu li t-team waqaf li jagħmel progress.

Il-logħba l-oħra tal-lum hija dik fit-Tottenham Stadium li fiha Spurs se jiffaċ­ċjaw lil Brighton, team li jagħti logħba lil kulħadd kemm home kif ukoll away.

Ġimgħa ilu Tottenham sabu ruħhom fiż-żona l- ħamra meta sfaw megħluba 1-0 minn Sunderland fli Stadium of Light u b’hekk il-manager il-ġdid, it-Taljan Roberto De Zerbi, xejn ma kellu bidu tajjeb.

Issa se jiltaqgħu ma’ Brighton li huma mmexxija mill-coach żagħżugħ Ġermaniż, Fabian Hurzeler.

Logħba li tikkonċerna r-relegazzjoni hija dik bejn Nottm Forest u Burnley li se ssir fis-City Ground bil- Clarets kważi kundannati u bil-Forest iridu rebħa biex jinqatgħu b’sitt punti minn Tottenham u jkunu għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni.

Finalment, il-programm jintemm nhar it-Tnejn b’derby oħra ta’ Londra bejn Crystal Palace u West Ham li t-tnejn ġejjin minn rebħa fuq Newcastle u Wolves rispettivament. L-Eagles huma salvi minn kull periklu, iżda l-Hammers iridu joqogħdu attenti minn Tottenham.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport