Minn Cristian Muscat
L-alpinista Malti Nicky Ellul wasal fil-Kamp Bażi tal-Everest nhar il-Ħadd 12 ta’ April.
Ellul se jsejjaħ dan il-post id-dar tiegħu għal bejn l-erba’ u s-sitt ġimgħat li ġejjin hekk kif jipprova jilħaq il-quċċata tal-Muntanja Everest. Wara li niżel f’Lukla, il-bieb għall-Himalayas, Ellul mexa għal sebat ijiem sħaħ biex jilħaq il-kamp bażi f’altitudni ta’ 5,364m.
Fl-ewwel jiem tat-trekking sofra minn xi problemi fl-istonku iżda xorta waħda rnexxielu jimxi u jlaħħaq mal-grupp. Issa jinsab f’saħħtu tajba u jħossu ppreparat fiżikament u mentalment biex jibda l-proċess ta’ akklimatizzazzjoni.
Fil-jiem li ġejjin se jipprova jilħaq il-quċċata ta’ Lobuche East f’6,119m. Imbagħad se jirritorna lejn il-Kamp Bażi tal-Everest minn fejn se jibda r-rotazzjonijiet lejn il-kamp 1, 2 u 3 fejn jilħaq altitudni ta’ aktar minn 7,000m qabel ma jirritorna lejn il-Kamp Bażi biex jistrieħ. Imbagħad jistenna temp tajjeb biex imexxi ‘l quddiem lejn il-quċċata.
Tista’ ssegwi t-tentattiv ta’ Ellul biex jilħaq il-quċċata tal-Everest fuq: https://www.instagram.com/nicky_ellul83?igsh=MmtxdmpydGJvZHVh

