Saturday, April 18, 2026

Malta Premier: Floriana jimmiraw li jilħqu l-objettiv tagħhom kontra Valletta

Aqra wkoll

 

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab l-14-il ġurnata tal-Closing Round hekk kif l-attenzjoni prinċipali tkun mixħuta fuq il-konfront bejn ir-rivali eterni Floriana u Valletta li mistennija tiġ­bed l-akbar folla tal-istaġun s’issa.

Il-Furjaniżi jinsabu f’ burdata ta’ briju hekk kif proprju għada jiċċelebraw il-festa tal-patrun tagħhom, San Publiju, filwaqt li huma għandhom bżonn punt wieħed biss biex jirbħu l-Closing Round u għal­daqstant jidher li se jkunu huma li se jikkontestaw il-partita deċiżiva għar-rebħ tal-Malta Premier Lea­gue. 

Huma se jagħmlu dan jekk Hamrun Spartans jis­piċċaw fi-tieni post wara li kienu rebħu l-Opening Round.

Iżda, bħalissa l-konċentrazzjoni ta’ kull Furjaniż hija kif se jegħlbu lill-ġirien tagħhom, Valletta għal diversi raġunijiet.

Iż-żewġ partiti l-oħra mit-Top Six xorta waħda huma interessanti minħabba li jirrigwardjaw il-post għall-UEFA Conference League, hekk kif Marsaxlokk jiffaċċjaw lil Gzira United  filwaqt li Hamrun Spartans jaffrontaw lil Naxxar Lions.

Fin-naħa t’isfel tal-klassifika, jintlagħab il-konfront dirett bejn Tarxien Rainbows u Zabbar St Patrick li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar u għal­daqstant jimmiraw li jtemmu barra ż-żona l-ħamra … speċjalment Tarxien Rainbows li fl-Opening Round temmew fl-aħħar post.

Floriana v Valletta – L-Istadium Nazzjonali għandu jospita festa ta’ football hekk kif Floriana u Valletta jkunu armati sa snienhom b’kull xorta ta’ briju biex finalment joħorġu rebbieħa mas-suffara finali tar-refe­ree.

Filwaqt li l-Greens jimmiraw li jilħqu l-objettiv tagħhom li jirbħu l-Closing Round, il-Lilywhites jimmiraw li jħassrulhom ċ-ċelebrazzjonijiet u fuq kollox il-festa Furjaniża.

Wara kollox, dawn tal-aħħar għadhom iridu jegħlbu lill-Beltin f’dan l-istaġun, meta t-tliet partiti preċedenti temmew f’reb­ħa ta’ 2-0 għal Valletta u f’żewġ draws ta’ 0-0.

Iż-żewġ timijiet mistennija jkunu bl-aqwa formazzjoni possibbli bl-eċċezzjoni tal-player Belti, Thaylor Aldama, li jinsab sospiż. 

   Marsaxlokk v Gzira U. – Wara t-telfa kontra Floriana bl-iskor ta’ 3-1, Marsa­xlokk iridu jirriorganizzaw hekk kif se jaffrontaw team li għandu moral għoli wara li ġej minn rebħa ta’ 1-0 kontra Hamrun Spartans.

Mindu Gzira United ikkwalifikaw għall-finali tal-FA Trophy, huma saru team trasformat għal kollox.

Min-naħa tagħhom,  ix- Xlukkajri jridu jirbħu fit-tentattiv li jtemmu fit-tieni jew fit-tielet pożizzjoni.

Il-Maroons għandhom lil Andrew Borg u lil Luis Rias­cos sospiżi.

Hamrun S. v Naxxar L. – Hamrun Spartans jimmi­raw li jwaqqfu s-sensiela ta’ tliet telfiet infila meta jiltaqgħu kontra Naxxar     Lions li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Valletta. 

Huma għandhom lil Vin­cenzo Polito sospiż.

Tarxien R. v Zabbar SP – Dan huwa konfront mill- aktar interessanti li jlaqqa’ liż-żewġ timijiet li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar.

Filwaqt li Tarxien Rainbows ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fuq Hibs, Zabbar St Patrick sfaw megħluba minn Mosta 2-1.

Rebħa għaż-Żabbarin  tkun tfisser li r-Rainbows jersqu aktar lejn ir-relegaz­zjoni li għandhom lil Abdelrahman Alhagi sospiż.

Hibernians v Birkirkara – Din hija logħba bejn żewġ ġganti tal-football Malti, li iżda kellhom jikkuntentaw biex jilagħbu fil-Bottom Six u li l-istaġun għalihom huwa mitmum.

Hibernians jinżlu għal rebħa wara li ilhom ma jagħmlu dan għal dawn l-aħħar disa’ partiti.

Mosta v Sliema W. – Dan huma konfront bejn it-team li jinsab fil-quċċata tal-Bottom Six, Sliema Wan­derers, u dak li jinsab fl-aħħar post, Mosta.

Dawn tal-aħħar se jkollhom  jgħaddu mingħajr Zachary Brincat filwaqt li Gustavo Alcino se jkun nieqes għall-Wanderers, għax sospiżi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport