Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg żar l-Isptar Monte Karmeli, bħala parti minn għadd ta’ żjarat fl-istituzzjonijiet tas-saħħa madwar il-pajjiż. Waqt iż-żjara ltaqa’ mal-pazjenti, il-ħaddiema u t-tmexxija tal-isptar sabiex jisma’ mill-qrib l-esperjenza tagħhom, hekk kif l-isptar għadu kif beda juża żewġ swali ġodda tal-kura akuta għal madwar 46 pazjent.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal, “Stajt nara u nesperjenza flimkien mal-pazjenti, l-impjegati u t-tmexxija ta’ dan l-isptar il-mixja li saret lejn dawn is-swali ġodda, mgħammra bl-aqwa ambjent għal dawk li jkunu hawn għal perjodu qasir sabiex jingħataw il-kura akuta li jeħtieġu. Il-pjanijiet tal-Gvern ikomplu jibnu fuq il-ħidma tas-snin li għaddew filwaqt li nirrikonoxxu u nindirizzaw l-isfidi li għad fadal. Inħares ’il quddiem għal aktar investiment, fosthom il-proġett li qed jitnieda fl-Isptar Mater Dei fejn ser jinbnew swali ġodda tal-psikjatrija.”
Kull waħda mis-swali l-ġodda ġewwa l-isptar Monte Karmeli għandha kapaċità ta’ 23 sodda u hija mfassla biex toffri ambjent modern, sigur u terapewtiku li jkompli jsaħħaħ il-kura fis-saħħa mentali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli, Roseanne Camilleri, tkellmet dwar il-progress li qed isir fir-rinovazzjoni tal-isptar u l-proġetti li jinsabu għaddejjin biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura offruta lill-pazjenti. “Matul din iż-żjara ltqajna mal-impjegati u mal-pazjenti, li tkellmu dwar is-servizz u l-ambjent imtejjeb permezz tax-xogħol li sar fis-swali l-ġodda. Iddiskutejna wkoll il-proġetti li għandna ppjanati, fosthom ir-riġenerazzjoni tas-swali li ġew vakati, li l-fażi tal-ippjanar tagħhom tinsab fi stadju avvanzat. Fiż-żmien li ġej ser nibqgħu naħdmu fuq inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti tagħna,” qalet Roseanne Camilleri.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Kliniku tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, il-Professur Anton Grech, tkellem dwar l-importanza ta’ ambjent isbaħ u aktar modern bħala parti integrali mill-kura tas-saħħa mentali. “Bqajna mexjin ’il quddiem bir-ritmu tad-dinja moderna. Illum kien ta’ pjaċir kbir li rajna dawn is-swali ġodda jintużaw mill-pazjenti, b’titjib li qed jagħti kontribut importanti għall-kura tas-saħħa mentali – kura li mhijiex biss mediċina.“
Prof. Anton Grech spjega l-viżjoni ħolistika fejn tidħol is-saħħa mentali. “Aħna nibqgħu nemmnu wkoll li l-kura fl-isptar għandha tingħata għall-inqas żmien possibbli, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità permezz ta’ aktar inizjattivi u ftehimiet.”









