Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda u indirizza l-konferenza MedCat Days 2026, f’Barċellona fejn stqarr li l-Patt għall-Mediterran għandu jsaħħaħ il-koperazzjoni territorjali sabiex, ikun rilevanti għal gżejjer bħal Għawdex, li għandhom karatteristiċi uniċi. Huwa enfasizza l-importanza tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali fit-twettiq tal-objettivi tal-Patt għall-Mediterran, billi qal li dawn għandhom rwol ewlieni biex il-viżjoni strateġika tissarraf f’azzjoni konkreta b’benefiċċji għaċ-ċittadini u għall-komunitajiet Mediterranji.
MedCat Days 2026 li ttellgħet bejn id-9 u l-10 ta’ Lulju, 2026, kienet organizzata mill-Gvern ta’ Katalonja u mill-Istitut Ewropew tal-Mediterran (IEMed) f’Barċellona, u ffukat fuq kif l-awtoritajiet reġjonali u lokali ser jipparteċipaw fil-Patt għall-Mediterran.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li “l-bażi tal-Mediterran ma’ diversi reġjuni minn madwar il-Mediterran ilkoll għandhom għan wieħed, li l-Mediterran jibqa’ wieħed b’saħħtu u li jkun hemm soluzzjonijiet aħjar għal kull reġjun, sabiex ikun jista’ jimxi mhux biss bil-pass tiegħu, iżda b’pass ikkoordinat u mingħajr ebda duplikazzjonijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, kollu bi skop sabiex id-diversi reġjuni li għandna fil-Mediterran, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk tal-Afrika ta’ Fuq, ikunu jistgħu jipprogressaw ’il quddiem, ilkoll flimkien, għall-ġid ta’ dawn ir-reġjuni kollha.”
Waqt il-konferenza, il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-implimentazzjoni tal-Patt għandha tibni fuq oqfsa ta’ kooperazzjoni eżistenti, biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u timmassimizza l-impatt tiegħu, speċjalment fil-każ ta’ amministrazzjonijiet żgħar. Il-Patt għandu bżonn mod ta’ ħidma parteċipattiv, li jinvolvi s-soċjetà ċivili, kommunitajiet, u awtoritajiet reġjonali u lokali.
Huwa semma kif il-Ministeru għal Għawdex jilqa’ l-Patt bħala inizjattiva f’waqtha li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-partnerships Mediterranji tagħha, ibbażata fuq responsabbiltà kondiviża, djalogu u benefiċċju reċiproku. Hawnhekk spjega li, fi żmien ta’ sfidi ġeopolitiċi, tibdil fil-klima, pressjonijiet migratorji u inċertezza ekonomika, il-Patt jipprovdi qafas importanti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-prosperità fir-reġjun. Fost l-opportunitajiet li joffri hemm investiment sostenibbli, opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ u n-negozji, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll aktar kooperazzjoni fl-oqsma tal-ilma, l-enerġija u s-sigurtà.
Il-Ministru Camilleri sostna li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom rwol kruċjali li jippromwovu l-kooperazzjoni territorjali, l-innovazzjoni u inizjattivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet. Huwa qal li dan huwa partikolarment rilevanti għal territorji b’insularità doppja bħal Għawdex, fejn l-esperjenzi lokali jistgħu jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet li jkunu ta’ valur għall-Mediterran kollu.
Dwar il-kooperazzjoni mal-imsieħba Mediterranji, il-Ministru qal li għandu jkun hemm approċċ flessibbli li jirrispetta r-realtajiet ta’ kull pajjiż u jirrifletti l-prijoritajiet ta’ dawk fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Żied li dawn il-prinċipji jirriflettu wkoll il-prijoritajiet nazzjonali ta’ Malta u l-impenn tagħha lejn il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja.
Il-MedCat Days 2026 huwa forum annwali li jlaqqa’ flimkien mexxejja politiċi, dawk li jfasslu l-politika, awtoritajiet reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali u akkademiċi fost l-oħrajn. It-tema ta’ din is-sena ffukat fuq kif il-governanza Mediterranja tista’ ssir aktar effettiva u orjentata lejn ir-riżultati fl-implimentazzjoni tal-Patt għall-Mediterran.









