Id-Deputat Speaker jiċħad ilment tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Id-Deputat Speaker Bernard Grech, f’ruling li ta, ċaħad ilment li kien ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg dwar kliem li l-Prim Ministru Robert Abela kien qal fil-konfront tiegħu fis-seduta parlamentari tat-Tnejn li għadda.

Il-Prim Ministru kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu wara stqarrija ministerjali dwar l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li nżammet ġewwa New York il-ġimgħa ta’ qabel, meta qam battibekk bejnu u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru kien akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li meta saru riformi leġiżlattivi pereżempju li r-reat finanzjarju tal-evażjoni tat-taxxa jiġi minn wieħed strettament penali għal wieħed amministrattiv, hu ma kienx mar jivvota u “u taf għal min ma ġejtx tivvota.” Dr Abela żied: “Jekk trid noħorġu barra u nsemmilek għal min ma ġejtx tivvota, insemmilek ukoll. Mela, nieqfu hemmhekk.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni oġġezzjona għal dan il-kliem: “Qal li ma ġejtx nivvota hawnhekk għal xi ħadd, għal xi grupp jew whatever … Għandu jkun trasparenti mal-poplu Malti u Għawdxi u jgħidilna għal min qed jirreferi.”

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Ivan Castillo talab lill-Prim Ministru biex abbażi tal-Ordni Permanenti 60, jew jiċċara, jew inkella jirtira lura l-akkużi li kien għamel.

Fir-ruling tiegħu, id-Deputat Speaker qal li fil-każ inkwistjoni, “is-Sedja ma tarax illi l-kliem li tqajmet l-oġġezzjoni dwaru mill-Kap tal-Oppożizzjoni fih l-estremitajiet rikjesti mill-Ordni Permanenti 60 sabiex jammontaw għal xi attribuzzjoni min-naħa tal-Onor. Prim Ministru ta’ intenzjoni ħażina fl-imġiba tal-Kap tal-Oppożizzjoni.”

Is-Sedja kkonkludiet dan ir-ruling billi fakkret li d-dibattitu fil-Kamra għandu dejjem jitmexxa b’rispett, moderazzjoni u lingwaġġ xieraq, u dan sabiex jiġu mħarsa d-dinjità tal-Kamra u tal-Membri tagħha. “Filwaqt li l-kritika għandha tkun diretta lejn l-argument jew l-aġir, u mhux lejn il-persuna, ebda intenzjoni ħażina ma għandha tiġi attribwita lil xi Membru.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport