Thursday, October 8, 2026
Home Internazzjonali L-għadu min hu?… iridu jimbuttawna sax-xifer tal-kunflitt mar-Russja

L-għadu min hu?… iridu jimbuttawna sax-xifer tal-kunflitt mar-Russja

0
52

…it-twissija ‘fabbrikata’ dwar pjani ta’ attakki Russi

…sa issa li esperjenzajna fil-Mediterran kienu attakki bi drones fuq bastimenti Russi u ieħor tal-flotilla

Ilhom issa għal dawn l-aħħar xhur pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jippreparaw lin-nies tagħhom għall-gwerra. Min jgħidilhom jaħżnu l-ikel. Oħrajn jippruvaw jiġġustifikaw l-infieq fuq l-armamenti. Ma’ dawn, qegħdin dejjem isemmu il-‘hybrid war’. Forsi ħafna ma jifhmux x’inhi. Din hi gwerra li tinkludi spjunaġġi, sabutaġġi, u drones li jaqsmu l-fruntieri, iżda wkoll gwerra ta’ perċezzjonijiet, diżinformazzjoni u aħbarijiet foloz. Il-‘hybrid war’ li issa qegħdin isemmulna hi forma ta’ kunflitt fejn pajjiż jew grupp juża taħlita ta’ mezzi militari u mhux militari biex jagħmel pressjoni jew jagħmel ħsara lil avversarju. Dawn jinkludu theddid militari, attakki ċibernetiċi fuq sistema tal-gvern jew infrastruttura, disinformazzjoni u propaganda biex tinfluwenza l-opinjoni pubblika, pressjoni ekonomika, spjunaġġi u operazzjonijiet sigrieti u interferenza fi proċessi politiċi. L-idea ewlenija hi li l-avversarju jiġi mdgħajjef mingħajr ma jkun hemm neċessarjament gwerra konvenzjonali miftuħa.

Għandek akkademiċi, rappreżentanti ta’ gvernijiet, mezzi ta-xandir u ċentri ta’ riċerka li kollha huma allinejati ma’ organizazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, li b’mod regolari qegħdin idoqqu l-allarm. Dejjem ifakkruna li ninsabu resqin dejjem aktar lejn gwerra. Lejn kunflitt. U waqt li jgħidu dan jippuntaw is-swaba lejn ir-Russja. Meta tifli x’inhu għaddej madwarna, ma tistax ma tistaqsix min hu verament l-għadu tagħna?  Hi ħasra li għal min janalizza sew, it-tweġiba mhix diffiċli. L-għadu jinsab f’dawk li jidhru li huma determinati li jimbuttawna sax-xifer ta’ kunflitt ma’ Moska. Tentattiv wara ieħor, kollha destinati biex f’xi ħin jew ieħor dan iseħħ. Din l-imbuttatura ġejja mill-pajjiż Ewropej.

Spiss nisimgħu min jattakka l-propaganda Russa, imma fil-verità kemm din tista’ tinfluwenza l-opinjoni pubblika fl-Ewropa? Il-propaganda Russa tinfluwenza l-opinjoni pubblika fi ħdan il-Federazzjoni. Wieħed irid iqis li l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha pprojbixxew mezzi tax-xandir marbuta mal-Kremlin bħal Russia Today u Sputnik.

U x’qed isir fil-pajjiżi Ewropej? L-establishment politiku u tal-midja  qiegħed dejjem aktar jirrikorri għat-tattika li jittikketta bħala “favur ir-Russja” lil kull min jikkritika l-politika tan-NATO jew tal-Unjoni Ewropea. Prattikament dawn qegħdin dejjem jisħqu fuq l-appoġġ akkost ta’ kollox għar-reġim Ukren. Appoġġ għall-politika Ewropea li tkompli tgħin finanzjarjament u bl-armament lill-Ukrajna. Dan minkejja li issa qiegħed jidher ċar li dan ekonomikament hu  insostenibbli b’mod partikolari għal tul ta’ żmien. U ovvjament waqt li jibqgħu jippumpaw flejjes kbar f’armamenti nisimgħu.

Fi żminijiet reċenti, ma kienx hemm nuqqas ta’ inċidenti—kemm jekk sfruttati b’mod ċiniku jew saħansitra fabbrikati deliberatament—użati biex ikebbsu l-biża’ ta’ attakk Russu imminenti fuq l-Ewropa: minn drones li dehru fuq Leipzig u l-istati Baltiċi (li ħadd ma seta’ jipprova li kienu Russi u li ma wettqu l-ebda attakk) sa drones Russi li ġġarrfu eżatt mal-fruntiera waqt li kienu qed jimmiraw siti tul il-konfini bejn l-Ukrajna u n-nazzjonijiet ġirien.

L-għan ċar ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ informazzjoni  u operazzjonijiet psikoloġiċi  huwa li jikkonvinċu lill-opinjoni pubblika Ewropea dwar kemm hi imminenti t-theddida Russa u li jsaħħu l-pożizzjoni ta’ gvernijiet — li ​​l-popolarità tagħhom qed tonqos drastikament — li ​​fittxew konfrontazzjoni ma’ Moska f’dawn l-aħħar snin.

Dawn l-operazzjonijiet fil-biċċa l-kbira fallew madwar l-Ewropa tal-Punent, għallinqas jekk wieħed jiġġudika mir-riżultati ta’ bosta stħarriġ u minn xi riżultati elettorali reċenti.

Mhumiex biss il-kundizzjonijiet tal-enerġija, dawk soċjali u dawk ekonomiċi tan-nazzjonijiet u l-popli Ewropej li kkawżaw il-falliment ta’ din il-kampanja ta’ propaganda, iżda wkoll il-mod diżorganizzat u xejn konvinċenti li bih ġew imfassla dawn in-narrattivi allarmisti.

Proprju fl-aħħar jiem kellna  rivelazzjonijiet ġodda.  Ġurnal isostni li l-aġenziji tal-intelliġenza tal-Istati Uniti kienu ġabru informazzjoni dwar il-pjanijiet tal-Russja għal eskalazzjoni u qasmuha ma’ diversi gvernijiet Ewropej. Skont dawn il-pjanijiet, jingħad li r-Russja qed tipprepara attakki bid-drones fl-Ewropa, din id-darba bil-mira fuq pajjiżi tal-Mediterran: Franza, Spanja u l-Italja.

L-attakk ‘Gerbera’

“Se jużaw drones imnedija mill-baħar, moħbija f’kontejners tat-tbaħħir; mhux diffiċli xejn,” kienet dikjarazzjoni li ġiet rappurtat f’ġurnali barranin u li kkwotaw sorsi qrib il-Ministeru tad-Difiża tal-Litwanja. Jingħad fl-istess rapporti li l-awtoritajiet Litwani identifikaw it-tip speċifiku ta’ drone li r-Russi jistgħu jużaw kontra Spanja, Franza jew l-Italja: il-Gerbera. Dawn huma twal madwar żewġ metri, b’firxa tal-ġwienaħ ta’ 2.5 metri u piż sa 18-il kilogramma; huma kapaċi jilħqu veloċitajiet ta’ madwar 160 kilometru fis-siegħa u għandhom medda ta’ azzjoni ddikjarata ta’ 600 kilometru.

In-narrattiva tal-Punent kompliet titkellem fuq dan l-attakk ipotetiku bil-‘Gerbera’ li suppost kela joriġina minn kontenituri li jġorru d-drones, mgħobbija fuq bastimenti kummerċjali li jagħmlu parti mix-Shadow Fleet tar-Russja. Ġiet anke ippubblikata  mappa li turi r-reġjuni vulnerabbli għal attakk bħal dan, li tkopri l-Italja kollha ħlief għall-Grigal.

Il-Litwanja irrapportat li bħal nazzjonijiet oħra, saret taf b’din l-informazzjoni ftit wara ż-żjara misterjuża tad-Direttur tas-CIA John Ratcliffe f’Moska fil-25 ta’ Awwissu. Rapporti oħra wissew li l-gvernijiet ta’ Spanja, Franza u l-Italja ġew infurmati wkoll li r-Russja kienet qed tipprepara operazzjoni potenzjali bid-drones kontra wieħed minn dawn il-pajjiżi.

L-istess narrattiva rabtet ukoll attakk mal-elezzjonijiet li se jsiru fi Spanja, Franza u l-Italja. Ovvjament din in-narrattiva jirkbu fuqha l-forzi radikali kapaċi jisfruttaw il-biża’ u d-diżillużjoni dwar l-Ukrajna u dwar il-gvernijiet ta’ dawn il-pajjiżi. Dan għax hu ċar li l-pubbliku fl-Ewropa hu mħasseb bil-kunflitt fl-Ukrajna.

Fabbrikazzjoni orkestrata

Sorsi li jirrappreżentaw interessi Russi li tkellmu ma’ IT-TORĊA, iddeskrivew in-narrattiva ta’ attakki Russi bħala ‘fabbrikazzjoni orkestrata’.  “Huma l-Istati Baltiċi li qegħdin joħolqu dawn il-fabbrikazzonijiet.  Hemm Russofobija qawwija f’dawn il-pajjiżi.  L-istess kif hemm narrattiva Russofobika minn naħa ta’ pajjiżi Ewropej, li qegħdin jibqgħu jimbuttaw ‘lquddiem ċertu narrattiva marburta ma’ dak li jgħidu li hu interess mir-Russja biex tattakka l-Ewropa. Ma nemminx li hi twissija mis-CIA imma hi storja fabbrikata minn pajjiżi Baltiċi”, tenna l-istess sors diplomatique.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li “hemm narrattiva kontra r-Russja fil-komunikazzjoni uffiċjali Baltika, iżda hemm ukoll raġunijiet storiċi u ta’ sigurtà li jispjegaw għaliex dik in-narrattiva teżisti. Fl-istess ħin, ir-Russja għandha n-narrattiva tagħha stess li tpinġi n-NATO u l-Baltiku bħala s-sors tal-periklu.  Lil hinn minn din it-twissija tal-intelliġenza Amerikana, għax ir-rapporti jikkwotaw li t-twissija finalemtn ħarġet mis-CIA, il-President Franċiż Emanuel Macron itiha daqqa oħra ‘lisfel fil-kredibilità u jgħid li Franza ma kinitx irċeviet twissija diretta mingħand is-CIA.

Imma kif se jattakkaw bil-Ġerbera?… jekk isir hekk jinkixef is-sors ta’ theddida

Sorsi militari li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li  “t-thedidda bi drones ma tistax tittieħed qisha mhu xejn. Diġa rajniha u anke qrib gżiritna. Kellna żewġ bastimenti Russi li ġew attakki bi drones minn żoni mhux magħrufin. Dawn huma attakki li xi drabi ikun diffiċli tgħid min fejn ġej l-attakk. Għalhekk hawn tqum id-domanda, li jekk kellu jsir kif qalu xi rapporti li hemm pjani ta’ attakk b’Gerbera, dan jekk ikollu jseħħ ma jagħmel xejn għajr jikxef min wettqu għax il-Gerbera huma drones Russi.  Kieku Moska kellha l-ħsieb li tniedi diversi attakki kontra tliet pajjiżi tan-NATO fil-Mediterran, żgur li ma kinitx tuża armi limitati daqs id-drones Gerbera għax jikxfu immedjatament is-sors tat-theddida. Barra minn hekk, bastimenti tal-hekk imsejħa shadow fleet spiss jiġu interċettati u spezzjonati mill-forzi navali Ewropej u mill-Marina Taljana fil-Mediterran.”

L-istess sors qalilna li “jekk inħarsu madwarna naraw li matul is-sena 2026 kien hemm diversi kazi ta’ drones fil-Mediterran. Fit-2 ta’ Marzu tas-sena kien hemm attakk b’drones kontra l-bażi Brittanika ta’ RAF Akrotiri. Żewġ drones ġew interċettati, filwaqt li attakk ieħor il-ġurnata ta’ qabel ikkawża ħsara limitata.   F’Lefkada, il-Greċja f’Mejju nstab drone marittimu bla ekwipaġġ b’esplussivi. L-investigazzjoni Griega rabtitu ma’ operazzjonijiet Ukreni kontra bastimenti marbuta mar-Russja, u l-Greċja ressqet protesta diplomatika kontra l-Ukrajna.   Kien hemm attakk ukoll bi drones fuq dgħajsa tal-flotilla li kienet sejra f’Gaża. F’Settembru drone Gerbera Russu twaqqa’  fil-Litwanja minn ajruplan Taljan tan-NATO. Il-President Litwan qal li d-drone x’aktarx kien sejjer lejn l-Ukrajna u seta’ devja minħabba ‘electronic warfare’, mhux li kien intenzjonalment immirat lejn il-Litwanja. 

Il-pożizzjoni tal-Litwanja…hi waħda perikoluża

Jekk wieħed janalizza dak li qiegħed jingħad, jara li pajjiż li ilha li qabeż il-limitu hu l-Litwanja. Dan b’dikjarazzjonijiet ta’ konfrontazzjoni ma’ Moska.  Kellna ministru Litwan, Kestutis Budrys li tkellem f’sens li n-Nato għandha teared bazijiet militari Russi f’Kaliningrad li ​​jinsab bejn il-Litwanja u l-Polonja. L-istess Litwanja ta spiss tqajjem allarmi dwar titjiriet ta’ drones fuq it-territorju tagħha, għalkemm dawn dejjem jirriżultaw li huma Ukreni, b’wieħed biss deskritt bħala “probabbilment Russu,” għalkemm ħadd ma ppreżentah jew ipprova li oriġina mir-Russja.

Madankollu, flimkien mal-Estonja u l-Latvja, il-Litwanja qed tfittex €500 miljun mill-UE biex tibni sistema ta’ difiża kontra drones li jtiru fuq l-Istati Baltiċi. Imma kemm daħlu drones fit-territorju u minn fejn kienu? Jirriżulta li f’sena u nofs kien hemm rapporti li daħlu 24 drones fl-Istati Baltiċi, 12 fil-Latvja, 7 fil-Litwanja u 5 fl-Estonja. Mhux kola kiene identifikati imma minn dawn 2 biss kien drones Russi u t-tnejn kienu tat-tip Gerbera. Sitt oħra kienu drones mill-Ukrajna u l-bqija mhux identifikati.

Il-pożizzjoni tal-Litwanja ssir aktar perikoluża meta tara li dan qiegħed iwitti t-triq biex fil-futur jiġu skjerati armi nucleari tan-NATO. Filfatt f’Ġunju li għadda il-Ministru tad-Difiża Litwan Robertas Kaunas qal li l-Litwanja kienet qed tiddiskuti r-rwol tagħha fid-deterrenza nukleari tan-NATO, u li f’każ ta’ kriżi jew gwerra setgħu jiġu kkunsidrati l-kapaċitajiet nukleari tal-Istati Uniti jew ta’ Franza. F’Lulju, il-partiti parlamentari Litwani qablu li jipproponu t-tneħħija tal-projbizzjoni kostituzzjonali fuq armi nukleari u bażijiet militari barranin. Il-President Gitanas Nausėda qal espliċitament li ma kienx hemm pjan immedjat biex jinħażnu armi nukleari fil-Litwanja.  

Dan il-Litwanja qed tħalli l-bieb miftuħ għal rwol akbar fid-deterrenza nukleari tan-NATO u qed tneħħi ostakli legali, iżda m’hemmx deċiżjoni attwali li l-Istati Uniti jqiegħdu armi nukleari hemmhekk fi żmien ta’ paċi. Din hija pożizzjoni aktar perikoluża minn qatt qabel għall-Ewropa kollha llum, għal mill-inqas żewġ raġunijiet. L-ewwel, il-Litwanja se tassumi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’Jannar u t-tieni, il-forzi armati tagħha — bħal dawk taż-żewġ repubbliki Baltiċi l-oħra — huma ftit aktar minn simboliċi, peress li huma żgħar u nieqsa minn kapaċitajiet ta’ ġlied.

Għalhekk, il-prijorità għall-istati Baltiċi, kif ukoll għal dawk Skandinavi, hija li jikkonvinċu lill-potenzi ewlenin tal-Ewropa, li jinsabu aktar ‘il bogħod  dwar il-ħtieġa li jippreparaw għal gwerra kontra r-Russja. Is-sitwazzjoni tirrifletti dik tal-Ukrajna, li mill-bidu nett ippruvat tinvolvi lill-Unjojni Ewropea u lin-NATO fil-konflitt, billi tqis dan bħala l-unika ċans ta’ Kyiv biex tevita t-telfa.

Ċaħdiet…

Minkejja n-narrattiva ta’ suppost pjani ta’ attakki mir-Russi, kien hemm politiċi Ewropej li tkellmu ċar ħafna u ċaħdu.  Il-Ministru tad-Difiża Guido Crosetto iddikjara b’mod ċar li “r-Russja m’għandhiex bżonn vapuri li jinsabu 200, 300 jew 500 kilometru ’l bogħod mill-Italja biex tattakkana. Theddida Russa kontra kwalunkwe pajjiż Ewropew ma teħtieġx vapuri fil-Mediterran. L-armi li diġà għandha u li tuża kważi kuljum fl-Ukrajna, huma biżżejjed. M’għandniex għalfejn nivvintaw theddidiet biex inbeżżgħu lilna nfusna. Madankollu, tista’ r-Russja tkun theddida? Hemm perspettivi u tweġibiet differenti għal din il-mistoqsija: iktar ma tkun qrib ir-Russja, iktar tkun probabbli t-tweġiba ‘iva’,” żied jgħid probabbilment b’referenza indiretta għal-Litwani u s-sorsi Litwani li tkellmu ma’ min ħareġ in-narrattiva ta’ piani ta’ attakki Russi.

Is-Sottosegretarju tad-Difiża Matteo Perego di Cremnago stqarr: “Ma nemminx li l-Federazzjoni Russa għandha l-ħsieb li ġġib il-kunflitt fi djarna, fl-Italja. Bla dubju, il-Federazzjoni Russa qed tadotta pożizzjoni assertiva li tinvolvi provokazzjonijiet u inkursjonijiet bid-drones, u aħna qed nissorveljaw mill-qrib kull moviment. Anke mil-lat operazzjonali, ix-xenarju ssuġġerit fl-artiklu, it-tnedija ta’ drone minn bastiment kummerċjali fil-Mediterran, huwa improbabbli ħafna li jseħħ. Fi kwalunkwe każ, għandna fis-seħħ is-sistemi ta’ rispons meħtieġa. Nemmen li bħalissa rridu nanalizzaw is-sitwazzjoni b’moħħ ċar u nirrikonoxxu li hemm tentattivi, għalkemm tentattivi bikrija, biex jiġi negozjat tmiem għall-kunflitt.”

Franza wkoll ċaħdet l-eżistenza tar-rapport tas-CIA; madankollu, f’Pariġi, Jean-Luc Mélenchon — il-kandidat tal-partit La France Insoumise għall-presidenza, stqarr li wieħed għandu “forsi jistaqsi” jekk it-theddida Russa li qed teskala fl-Ewropa tistax tkun marbuta mal-“attakki fuq miri fil-fond tat-territorju li l-Ukrajna qed twettaq” fuq art Russa.

Id-diviżjoni bejn l-Ewropa tal-Mediterran u l-blokk tal-Baltiċi li jfittex li jevita akkost ta’ kollox kwalunkwe negozjar immexxi mill-White House li inevitabbilment iwassal biex il-kunflitt jispiċċa b’telfa għall-Ukrajna — qed issir dejjem aktar evidenti.

In-nuqqas ta’ indikazzjonijiet konkreti dwar pjanijiet Russi biex jattakkaw lill-Ewropa qed jikkoinċidi ma’ żieda esponenzjali fi stqarrijiet allarmanti dwar attakk potenzjali minn Moska. Il-President Russu, Vladimir Puțin wieġeb għal dan u qal li “l-pajjiżi Ewropej qed iżidu t-tensjoni għax iridu jkomplu jipprovdu appoġġ militari lill-Ukrajna”. Hu ċaħad li Moska qed tipprepara għal kunflitt, peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan ma jeżistux. Putin warrab il-kummenti tal-Ministru tad-Difiża tal-Estonja, Martin Herem, dwar kunflitt possibbli, u ddeskriviehom bħala provokazzjoni.  U dan iqajjem id-domanda min hu verament l-għadu? Min huma dawk li verament li jridu li l-kunflitt jeskala?  Il-biża għandha tkun minn min irid li verament iseħħ dan il-kunflitt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here