Meta nitkellmu dwar is-saħħa, ħafna drabi naħsbu fl-isptarijiet, fit-tobba, fl-infermiera u fit-trattament tal-mard fiżiku iżda hemm parti oħra mis-saħħa li għal snin twal ma ngħatatx l-importanza li jixirqilha: is-saħħa mentali. Illum irridu nkunu ċari: is-saħħa mentali mhix lussu, mhix dgħufija u mhix xi ħaġa li wieħed għandu jistħi jitkellem dwarha. Hija saħħa u għalhekk għandha tkun parti integrali mill-politika tas-saħħa u mill-politika soċjali ta’ pajjiżna.
Il-Gvern Laburista għażel li jpoġġi s-saħħa mentali fuq aġenda aktar wiesgħa, b’bidla lejn servizzi fil-komunità, prevenzjoni, intervent bikri u aktar integrazzjoni bejn is-saħħa fiżika u mentali. Din id-direzzjoni hija parti mill-Istrateġija għas-Saħħa Mentali 2020–2030.
Is-saħħa mentali għandha tkun parti mill-ħajja tagħna
Wieħed mill-akbar żbalji li nistgħu nagħmlu huwa li nistennew sakemm persuna tasal f’punt ta’ kriżi qabel noffrulha l-għajnuna. Il-politika moderna għandha taħdem aktar fuq il-prevenzjoni. Għandna bżonn nitkellmu dwar is-saħħa mentali fl-iskejjel, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet u fil-familji. Għandna bżonn inrawmu kultura fejn persuna tista’ tgħid “għandi bżonn l-għajnuna” mingħajr ma tħossha ġġudikata. Wieħed irid jiżgura fuq li meta persuna tfittex l-għajnuna, issibha.
Il-Partit Laburista u l-investiment fis-saħħa mentali
Il-Gvern Laburista qed jibni fuq politika li tfittex li tittrasforma s-servizzi tas-saħħa mentali minn mudell ibbażat prinċipalment fuq l-isptar għal wieħed aktar ibbażat fuq il-komunità. Illum jeżistu Community Mental Health Teams, Outreach Teams, Community Rehabilitation Centres, hostels u community homes, kif ukoll Crisis Resolution Home Treatment. L-għan huwa li aktar nies jirċievu l-kura u l-appoġġ fil-komunità, qrib il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Din hija bidla important għax mhux kull persuna li għaddejja minn diffikultà ta’ saħħa mentali għandha bżonn tkun rikoverata l-isptar. F’ħafna każijiet, b’appoġġ professjonali xieraq, kura kontinwa u ambjent sigur, persuna tista’ tibqa’ tgħix fil-komunità tagħha. Dan ifisser aktar dinjità, aktar kontinwità fil-kura u li l-pazjent jibqa’ persuna, mhux sempliċement każ mediku.
Investiment kbir f’Mater Dei
Pass importanti ieħor huwa l-investiment li qed isir f’Mater Dei Hospital. F’Awwissu 2026 tħabbar il-bidu tal-kostruzzjoni ta’ estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u unità akuta ġdida għas-saħħa mentali, bħala parti minn investiment ta’ €120 miljun. Għall-ewwel darba f’Malta, is-servizzi akuti tas-saħħa mentali se jkunu integrati fl-isptar prinċipali tal-pajjiż, biex is-saħħa fiżika u dik mentali jiġu trattati bħala żewġ aspetti marbutin tal-benesseri tal-persuna.
Dan huwa pass li għandu jiġi milqugħ għax matul iż-żminijiet preċedenti, is-saħħa mentali kienet meqjusa bħala xi ħaġa separata. Qed naraw il-mod ta kif neħduha aktar modern: persuna waħda, saħħa waħda, kura waħda.
Iż-żgħażagħ għandhom ikunu prijorità
Wieħed mill-aktar oqsma li għandu jkun fuq quddiem nett huwa s-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Qed ngħixu f’dinja li fiha ż-żgħażagħ jiffaċċjaw pressjonijiet differenti: l-istudju, ix-xogħol, il-futur, il-midja soċjali, il-pressjoni biex jirnexxu u l-ħtieġa li jħossuhom parti minn komunità. Għalhekk għandna ninvestu aktar fil-prevenzjoni u fl-intervent bikri.
Il-Ministru għas-Saħħa saħaq ukoll fil-livell Ewropew li s-saħħa mentali għandha tkun prijorità trasversali fil-politika pubblika, b’enfasi fuq iż-żgħażagħ, il-prevenzjoni, l-appoġġ bikri u s-servizzi komunitarji u diġitali. Din għandha tkun id-direzzjoni.
Il-Moviment Laburista għandu jkompli jmur aktar ’il quddiem
Il-ħidma li qed issir hija importanti, iżda politika tajba qatt ma għandha tieqaf fejn waslet. Il-Gvern Laburista għandu jkompli jinvesti f’aktar professjonisti, aktar servizzi fil-komunità, aktar prevenzjoni u aktar għarfien. Għandna nsaħħu s-servizzi fl-iskejjel, nkomplu nindirizzaw is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, nagħtu aktar appoġġ lill-familji li jieħdu ħsieb persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali u rridu niżguraw li persuna ma tintilifx fis-sistema bejn servizz u ieħor. Il-politika Laburista għandha tibqa’ tkun waħda li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru.
Minn stigma għal solidarjetà
L-akbar bidla mhix biss dik li ssir fl-isptarijiet jew fil-kliniċi. L-akbar bidla trid issir fil-mentalità tas-soċjetà. Irridu Malta fejn wieħed jista’ jitkellem dwar l-ansjetà, id-dipressjoni, il-burnout jew problemi oħra ta’ saħħa mentali bl-istess mod kif jitkellem dwar problema fiżika. Jekk għandek uġigħ fiżiku, tmur għand tabib. Jekk qed tbati mentalment, għandek ukoll titlob l-għajnuna. It-tnejn huma saħħa u t-tnejn jistħoqqilhom kura, rispett u dinjità.
Il-politika li rridu għall-futur
Il-Gvern Laburista għandu opportunità biex ikompli jagħmel is-saħħa mentali waħda mill-pilastri tas-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna. L-investiment f’Mater Dei, it-tisħiħ tas-servizzi komunitarji, it-tim f’Għawdex u l-istrateġiji nazzjonali huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Il-veru suċċess se jitkejjel mhux biss bil-bini jew bl-istrateġiji imma jitkejjel minn kemm persuna ssib għajnuna meta jkollha bżonnha, jitkejjel minn kemm innaqqsu l-istigma, jitkejjel minn kemm nipprevjenu l-kriżijiet u jitkejjel minn kemm persuni jerġgħu jkollhom ħajja b’dinjità u tama.
Il-progress ta’ pajjiż ma jitkejjilx biss kemm għandu sptarijiet, kemm għandna ekonomija b’saħħitha jew kemm jinbnew proġetti. Pajjiż verament b’saħħtu huwa pajjiż li jieħu ħsieb ukoll moħħ in-nies tiegħu u għalhekk il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar li s-saħħa mentali mhix lussu. Hija dritt. Hija saħħa u għandha tibqa’ prijorità nazzjonali.
Nota: Għal min qed ifittex għajnuna immedjata, is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali jindikaw il-linja 1579, disponibbli f’kull ħin.




