Wara 30 sena jirtira l-għalliem Għawdxi li kull student kien iħobb

Alfred Grech għalliem mijiet kbar ta’ studenti fis-6th Form f’Għawdex

Aqra wkoll

L-għalliem Għawdxin – Alfred Grech – li kull student kien iħobb irtira wara 30 sena jgħallem fis-6th Form f’Għawdex. “Minkejja li għaddew dan is-snin kollha meta niltaqa’ ma’ xi ħadd li kien miegħi s-6th Form u nibdew nitkellmu dwar l-iskola mill-ewwel jgħidlek “u Fredu”. Hekk qalilna student li bgħatilna messaġġ biex insemmlu lil dan l-għalliem.

Alfred jew kif kien magħruf mal-istudenti “Fredu” jibqa’ mfaħħar għal dejjem għal mod ta’ kemm kien iġib rispett lejn l-istudenti. Bniedem ta’ ftit kliem… jidħol fil-klassi b’munzell karti… u wara r-Radd tas-Salib jifqa’ lil kulħadd bid-daħk biċ-ċajt li kien jgħid lill-istudenti.

Kien għalliem li jmur ‘l hemm minn dak li toffri skola. Lest biex jisma’ u jitkellem ma’ kulħadd.

F’messaġġ li tella’ fuq il-paġna tal-iskola nkiteb li “hemm nies li jħallu marka fuq skola li tmur ferm lil hinn mil-lezzjonijiet, il-klassijiet u l-kotba. Is-Sur Alfred Grech bla dubju huwa wieħed minn dawn in-nies.

Minn mindu ngħaqad mas-Sir M.A. Refalo Sixth Form fl-1996, is-Sur Grech iddedika ħafna snin ta’ ħajtu lill-istudenti u lill-komunità tal-iskola tagħna, fejn għallem l-Ingliż u s-suġġett ta’ ‘Systems of Knowledge’ b’passjoni u dedikazzjoni kbira.”

Hu kien jaħdem fit-tim pastorali tal-iskola u anke fil-ħajja personali tiegħu kien jattendi l-Leġġjun ta’ Marija u anke jwettaq volontarjat fil-Parroċċa tal-Munxar. 

Alfred ħa sehem attiv f’attivitajiet kurrikulari supplimentari, u kellu rwol importanti biex joffri lill-istudenti l-opportunità indimentikabbli li jżuru l-Parlament Ewropew.

“Iżda forsi l-akbar wirt tiegħu ma jinsabx f’xi programm jew suġġett li għallem. Jinsab fil-ħajjiet bla għadd li mess tul il-karriera tiegħu.

“Bħala persuna ġenwina, ta’ qalb tajba u li jimpurtaha ħafna mill-oħrajn, Grech kien dejjem hemm għall-istudenti u l-kollegi tiegħu. Il-mod ferrieħi tiegħu, il-ġenerożità u r-rieda li jgħin għamluh maħbub u rispettat minn ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ studenti u membri tal-istaff.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport