Ir-riforma fil-Qorti tal-Familja: Protezzjoni għal min jinsab fil-periklu speċjalment it-tfal

Proprju din il-ġimgħa bdiet dieħla fis-seħħ ir-riforma tal-Qorti tal-Familja li tħares bi priorità lejn l-interess tat-tfal u dawk vulnerabbli. It-Torċa tagħti ħarsa lejn il-bidliet kollha li se tkun qed tagħmel din ir-riforma

Aqra wkoll

Propju din il-ġimgħa bdiet dieħla fis-seħħ riforma oħra importanti, bżonnjuża u kuraġġuża illi daħħal Gvern Laburista u li għal snin kien hemm għajta għaliha: Ir-riforma fil-Qorti tal-Familja. 

Qed ngħidu bdiet, għax fil-fatt fl-1 ta’ Ottubru bdew deħlin l-ewwel sett ta’ regolamenti f’din ir-riforma. 

Ir-riforma tintroduċi qafas proċedurali ġdid maħsub biex jilħaq bilanċ legali bejn il-protezzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal, il-ħolqien tal-istrutturi u r-rwoli professjonali meħtieġa, biex jiġi garantit servizz ta’ kwalità għolja u l-introduzzjoni ta’ proċeduri u termini aktar ċari ħalli titjieb l-effiċjenza.

It-Torċa tagħti ħarsa ħafifa lejn il-bidliet kollha li se ġġib din ir-riforma u l-prinċipji ewlenin li qed jiggwidawha

Il-medjazzjoni tibqa’ obbligatorja

Il-medjazzjoni baqgħet obbligatorja u qabel ma jinfetaħ każ ta’ separazzjoni, divorzju jew kwistjoni marbuta mat-tfal il-partijiet bilfors iridu jidħlu f’medjazzjoni. 

Dan il-proċess għandu jinkludi sitt sessjonijiet, li jsiru fuq medda ta’ tmien xhur. Dawn ikunu estiżi għal erba’ xhur oħra jekk meħtieġ. 

Mal-ftuħ tat-talba il-parti li titlob għas-separazzjoni għandha tippreżenta numru ta’ dokumenti marbuta ma’ dħul, assi u djun, fost oħrajn. 

L-Avukat tat-Tfal: Gwardjan u vuċi għat-tfal

L-Avukat tat-Tfal se jkun il-gwardjan u l-vuċi tat-tfal. Permezz ta’ din ir-riforma dan se jinħatar meta jkun hemm tfal fil-proċeduri u fuq talba tal-partijiet, tal-medjatur jew inkella tal-Qorti.

Apparti minn hekk, se jkun qed jinħoloq dak li jissejjaħ Persuna ta’ Sostenn. Dan ikun espert tal-Qorti li jagħmel evalwazzjoni jew inkella terapista li toffri sostenn emozzjonali u terapewtiku.

 Jiġu maħtura meta t-tensjoni bejn il-ġenituri tkun severa, ikun hemm każi ta’ manipulazzjoni, vjolenza domestika jew inkella bżonnijiet terapewtiċi speċjali. 

F’każ li tinħatar Persuna ta’ Sostenn irid isir rapport li jingħata lill-Qorti f’temp ta’ erba’xhur. 

U x’jiġri f’każ ta’ vjolenza domestika?

Naturalment il-kawżi li jwasslu biex familja tissepara huma bosta – waħda minnhom hija proprju l-vjolenza domestika. 

F’dawn il-kawżi l-Qorti għandha l-jedd li immedjatament tissospendi l-medjazzjoni u wara li tisma’ lill-partijiet tieħu miżuri ta’ protezzjoni. Kif diġà għidna hawn ukoll il-Qorti tista’ taħtar Persuna ta’ Sostenn.

Ir-riforma qed tipprovdi wkoll rimedju kontra manipulazzjoni jew rapporti foloz, bil-Qorti jkollha is-setgħa li taġixxi. 

Mill-ġdid, l-interess tat-tfal jibqa’ dejjem priorità assoluta. 

Ir-riforma għalhekk qed taċċerta protezzjoni għal min jinsab fil-periklu u huwa vulnerabbli u jpoġġi responsabilitajiet ċari fuq min jipprova jabbuża mis-sistema biex jipprova jieħu vantaġġ personali.

Parental Alienation: X’inhu u kif ir-riforma tilqa’ għalih? 

Fil-mixja lejn din ir-riforma qamet ħafna l-kwistjoni tal-parental alienation. Imma din x’inhi? 

Parental alienation hija meqjusa bħala sitwazzjoni fejn ġenitur psikoloġikament jimmanipula tifel jew tifla biex din tkun ostili lejn il-ġenitur l-ieħor – ġeneralment f’kuntest ta’ separazzjoni. 

Dan jista’ jsir b’diversi modi – fosthom, b’allegazzjonijiet foloz kontra l-parti l-oħra, kritika kontinwa jew inkella billi konxjament tipprova tnaqqas il-kuntatt li t-tfal ikollhom mal-ġenitur l-ieħor. 

Din ir-riforma qed tagħti setgħat lill-Qorti biex tidentifika u tieħu azzjoni kontra kull forma ta’ manipulazzjoni, inkluż billi tissospendi d-drittijiet ta’ ġenitur fuq provi ta’ abbuż intenzjonat.

Dan ifisser li l-Istat qed jindirizza kull dinamika ta’ kontroll, pressjoni jew abbuż tal-proċess ġudizzjarju, mhux biss l-aljenazzjoni bejn ġenituri u tfal. 

L-għan huwa wieħed: li l-proċess ma jintużax bħala arma u li t-tfal ikunu mħarsa f’kull ċirkostanza. 

Proċeduralment meta ssir allegazzjoni l-Qorti trid tisma’ lill-partijiet, tista’ tissospendi l-medjazzjoni u taħtar Avukat tat-Tfal. Jekk iżda, l-allegazzjoni ta’ parental alienation tkun falza l-Qorti tirreferi l-każ lill-pulizija. 

Il-kustodja u l-aċċess

U naturalment l-aktar kwistjoni taħraq hija proprja l-aċċess u l-kustodja għat-tfal  – u allura liema t-tfal ma’ liema ġenitur se jgħix u meta u kemm se jkun jista’ jara lill-ġenitur l-ieħor/l-oħra. 

Biex tasal għal din il-konklużjoni l-Qorti trid tqis r-responsabilitajiet u drittijiet ugwali ta’ kull ġenitur, il-ħila ta’ kull ġenitur fit-trobbija, ix-xewqat u l-wellbeing tat-tfal u ċ-ċirkostanzi partikolari tal-familja. 

L-aċċess jitqies bħala obbligu fuq iż-żewġ ġenituri, u mhux biss dritt. Il-Qorti għandha dejjem tiddeċiedi skont l-aħjar interess tal-minuri. 

Din ir-riforma tistabbilixxi bażi legali ċara għallprinċipju ta’ coparenting, u b’hekk ma jkun hemm ebda limitazzjoni legali li tista’ żżomm lill-Qorti milli, wara li teżamina bir-reqqa l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-każ, tapplika dan il-prinċipju. Dan jagħmilha possibbli li l-minuri jibbenefikaw minn rabta b’saħħitha, stabbli u bilanċjata ma’ kull wieħed mill-ġenituri.

Ksur tad-digrieti tal-Qorti

F’każ li ġenitur jikser id-digrieti tal-Qorti, din tista’ tissospendi d-drittijiet ta’ min jikser l-ordni  tagħha u jekk ikun hemm lok tista’ saħansitra tirreferi l-każ għal proċeduri kriminali. 

Il-Qorti tista’ jew tieħu deċiżjoni in camera jew tappunta smigħ fi żmien 20 jum  sussegwentement digriet fi żmien 15-il jum.

Aktar dettalji…

Din ir-riforma qed tara wkoll li maż-żmien tinħoloq binja separata għall-Qorti li tindirizza r-realtajiet tal-lum u jinħoloq Support Office fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, fost bidliet oħrajn

Din ir-riforma hija r-riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika impenjattiva, b’laqgħat ma’ professjonisti, avukati, esperti, membri tal-ġudikatura u daqstant ieħor importanti l-pubbliku inġenerali u l-għaqdiet fis-settur. B’kollox kien hemm aktar minn 70 sottomissjoni, liema ksottimissjonijiet komplew isaħħu din ir-riforma tant mistennija wara 22 sena minn meta saru l-aħħar interventi fil-Qorti tal-Familja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport