Thursday, October 8, 2026
Home Fehmietna IL-JUM DINJI TAD-DYSLEXIA

IL-JUM DINJI TAD-DYSLEXIA

0
63

Sa mit-twaqqif tagħha, In-Nazzjonijiet Uniti għarfet diversi sitwazzjonijiet li jolqtu direttament lill-komunitajiet. Tant hu hekk, li l-istess Nazzjonijiet Uniti ddedikat Jum għal dawn is-sitwazzjonijiet u kundizzjonijiet sabiex tinħoloq aktar kuxjenza u għarfien dwarhom.

Waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet qed tiġi mfakkra matul dan ix-xahar li tirrifletti l-ostakli li jaffaċċjaw dawk li jridu jgħixu bil-kundizzjoni tad-dyslexia.

Id-Dyslexia hija kundizzjoni newroloġika li toħloq diffikultà partikolarment fit-tfal għat-tagħlim, fil-ħiliet tal-qari u l-kitba.

Din il-kundizzjoni, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea għad-Dyslexia qed taffettwa bejn 9% u 12% tal-popolazzjoni dinjija. F’Malta wkoll, bħal f’kull pajjiż ieħor, teżisti din il-problema ta’ tfal li ma jkollhomx l-abilità li jitgħallmu malajr u b’mod normali kif jitgħallmu tfal oħra. Ma jfissirx iżda li fiżikament huma differenti jew agħar minn tfal oħra.

Id-dyslexia m’għandhiex isservi ta’ xkiel jew stigma għal ħadd. Lanqas għal dawk li jitħajru li jaqbdu karriera, sew fil-qasam edukattiv u kif ukoll fid-dinja tax-xogħol minkejja li jkunu affettwati minn din il-kundizzjoni.

Ma nistgħux f’dan il-mument nonqsu milli nfaħħru lil dawk l-istudenti li snin ilu ngħaqdu u flimkien ma’ edukaturi, għalliema u ġenituri waqqfu grupp bl-iskop li titqajjem iżjed kuxjenza u għarfien dwar din il-kundizzjoni.

Tasssew li fil-ħajja mhux kollox huwa ward u żahar, anzi l-ħajja hi mimlija sfidi u ostakli. Għalhekk intennu li għandu jsir aktar studju dwar kif persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni jiġu megħjuna aħjar b’modi li jiffaċilitawlhom il-proċess tat-tagħlim fl-istesswaqt li jkomplu jkampaw mal-kundizzjoni tagħhom stess.

Qed ngħidu dan għaliex tinħass il-ħtieġa li bħalma t-teknoloġija solviet jew irnexxielha tnaqqas ħafna mill-problemi li kienu jeżistu sa ftit ilu, hekk ukoll tista’ b’xi mod tintuża biex il-qasam tat-tagħlim għal min ibati mid-dyslexia jkun aktar faċilitat.

Hawnhekk ukoll inħeġġu lil min iħaddem sabiex iħares lejn il-kwalitajiet tal-individwu u mhux il-kundizzjoni li jbati minnha. Wara kollox in-negozji li jagħmlu dan ikunu qed iwettqu r-responsabbilità soċjali korporattiva lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here