Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
L-imħabba tiegħi għall-waterpolo bdiet ta’ età żgħira. Bdejt ngħum b’mod professjonali meta kelli tmien snin u sentejn wara bdejt nittrenja u nilgħab il-waterpolo ma’ Sliema ASC fejn bdejt inħobbu grazzi għall-ewwel kowċ tiegħi Mario Cachia li dejjem ħeġġiġni u isipirani bis-sħiħ biex nemmen fija nnifsi.
X’tikkummenta fuq l-unur li rbaħt tal-ASA Plejer tas-Sena tan-Nisa fil-jiem li għaddew?
Huwa unur kbir u dan ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna tal-kowċis Peter Mock, Kenneth Zammit, Joe Sciortino, Arpad Babay, Edward Aquilina, Zeljko Kovacic, Marko Martinic, Giannis Katrouzanakis, Gianluca Satolo, Aurelien Cousin u l-klabbs kollha li għenu fl-iżvilupp u t-tkabbir tiegħi fl-isport. Madankollu d-determinazjoni tiegħi ma waqfitx u se nibqa’ nagħmel ħilti kollha biex nagħmel taħriġ u nkompli ntejjeb lili nnifsi.
X’tikkummenta fuq il-kampjonat tas-sajf li għadda?
Il-kampjonat tas-sajf li għadda kien wieħed mhux faċli, kif ukoll kien inkluż bil- plejers barranin. Mal-klabb tas-Sliema kellna lil Sara Centanni li hija plejer nazjonali tal-Italja u li tilgħab ma’ SIS Roma. Jien tgħallimt ħafna mingħandha u tatni ħiliet ġodda fil-waterpolo.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-kampjonat tas-sajf li ġej?
It-tragward tal-klabb tiegħi huwa li nirbħu l-kampjonat tas-sajf u li nkomplu nitjiebu bħala tim kif ukoll individwalment.
X’tikkummenta fuq il-kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Sliema ASC, Kayne Lanzon?
Kayne Lanzon mhux wiċċ ġdid għall-waterpolo lokali u jien għandi kunfidenza kbira ngħid li għandu ħiliet biex iwassalna għar-rebħ kemm tal-kampjonat tax- xitwa kif ukoll dak tas-sajf. Inħoss li għalkemm m’ilux ħafna li ngħaqad magħna diġá qed inħoss li qiegħda nitjieb fil-livell f’kull sessjoni ta’ taħriġ.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’pajjiiżna fil-preżent?
Il-livell tal-waterpolo tan-nisa f’Malta mhuwiex ta’ livell għoli daqskemm għandu potenzjal imma jekk nagħtu aktar kas il-waterpolo tan-nisa jista’ jkun ta’ livell għoli daqs ta’ barra minn xtutna, għax għandna ħafna plejers ta’ potenzjal.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Grazzi għal SportMalta u l-ASA għandna faċilitajiet professjonali li wieħed jista’ jitħarreġ fihom b’mod professjonali kif ukoll għamluha possibli biex jistiednu l- Final 4 taċ-Champions League u b’hekk inkunu nistgħu ngawdu logħob ta’ plejers famużi u nsegwu logħob eċitanti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Il-waterpolo huwa importanti ħafna għalija u dejjem se jibqa’ importanti. Jien nixtieq li nkompli nibni l-karriera tiegħi fuqu, imma wkoll niffoka fuq l-edukazzjoni tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil dawk il-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jibdew jilagħbu l- waterpolo.
Jien inħeġġeġ bis-sħiħ lil dawk it-tfajliet li jixtiequ jibdew jilagħbu l-waterpolo u ngħidilhom li dan huwa sport li jagħtik pjaċir, imma wkoll jgħallmek ħafna affarijiet bħal dedikazzjoni, kuraġġ u li waħda għandha tagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa biex tikseb ir-riżultati mixtieqa.