Sunday, May 5, 2024

Id-determinazzjoni tiegħu fiż-żfin wasslitu biex jikseb suċċess barra minn xtutna

Iż-żeffien Luke Bugeja Gauci

Aqra wkoll

Sa minn età żgħira, Luke wera x-xewqa tiegħu li jkun żeffien. Luke ġej minn familja ta’ mużiċisti u b’passjoni għat-teatru fejn dejjem inkoraġġewh biex jiżviluppa t-talenti tiegħu.

Luke attenda diversi workshops professjonali f’Malta u anke fir-Renju Unit u minn hemm ħa d-deċiżjoni li jieħu ż-żfin b’mod professjonali. Luke beda kors ta’ tliet snin ġewwa ZHdK, University of the Arts fi Zurich, l-Iżvizzera li jwassal għal Baċellerat fiż-Żfin Kontemporanju, fejn apparti taħriġ fiż-żfin kellu taħriġ sabiex ikun artist versatili u multi-dixxiplinarju.

Il-kors kien jeħtieġ intensità qawwija kemm fiżika kif ukoll mentali fejn barra minn hekk Luke kellu jiffaċċja sfida mhux mistennija, dik tal-pandemija, fejn il-lezzjonijiet kellhom jiġu addattati għaċ-ċirkostanzi, bid-diffikultajiet li kienu ippreżentati f’dan il-qasam fejn lanqas seta’ jsir kuntatt personali, iżda li b’ħafna xogħol, determinazzjoni u sagrifiċċju, fosthom li tgħix ‘il bogħod mill-pajjiż u l-familja wasal għal dan is-suċċess.

Is-sodisfazzjon ta’ dan l-impenn hu l-wirjiet ta’ żfin li ħa sehem fihom Luke fi bliet ewropej fosthom fi Zurich, Berna u Ġinevra, il-Ġermanja u Sadlers Wells ġewwa Londra. Parti mis-suċċess ta’ dan il-kors kien possibbli grazzi għall-borża ta’ studju mill-iskema tal-Malta Arts Scholarship iffinanzjata mill-Gvern ta’ Malta li għenitu jkompli fl-istudji tiegħu.

Luke radd ħajr ukoll lill-għalliema kollha tiegħu għall-passjoni u l-għerf li għaddewlu fil-qasam taż-żfin matul iż-żmien.

Sport