Id-dħul disponibbli medju ras għal ras f’Malta jaqbeż €22,000 għall-ewwel darba

0
2

Statistika tal-Eurostat tindika li d-dħul disponibli medju ras għal ras f’Malta qabeż €22,000 għall-ewwel darba fl-istorja. Dan hekk kif bejn l-2024 u l-2025 id-dħul disponibli medju ras għal ras żdied b’€2,333 f’pajjiżna, jew bi kważi 12%. Dan meta madwar l-Ewropa ż-żieda kienet ta’ €1,300, jew anqas minn 6%.

It-tkabbir tad-dħul f’Malta kien il-ħames l-akbar madwar l-Ewropa. Permezz taż-żieda fl-2025, id-dħul f’pajjiżna tela għall-istess livell tal-Italja. Sal-2012 id-dħul medju fl-Italja kien darba u nofs dak f’pajjiżna. Id-dħul tal-familji Maltin laħaq ukoll dak tal-familji Ċiprijotti, li wkoll sa’ tlettax-il sena qabel kienu jaqilgħu darba u nofs familja medja Maltija. 

Id-dħul f’pajjiżna huwa 96% tal-medja Ewropea. Dan meta fl-2024 kien 91%, u fl-2012 kien 74% biss. F’Malta kellna tkabbir ta’ kważi €10,600 fi tlettax-il sena, mentri fl-UE kien hemm tkabbir ta’ madwar €8,000, jew terz anqas.

Il-livell ta’ dħul medju ras għal ras kumparata mal-medja Ewropea huwa wieħed mit-tlett indikaturi ewlenin tal-Viżjoni Malta 2050. Sa għaxar snin oħra l-mira huwa li d-dħul tal-familji f’pajjiżna jkun laħaq 115% tal-medja Ewropea. Dan ifisser li hemm bżonn titjib ta’ 19-il punt perċentwali, jew 1.9 punti perċentwali fis-sena.  Is-sena li għaddiet iż-żieda kienet ta’ 5 punti perċentwali, jiġifieri aktar mid-doppju taż-żieda rikjesta mill-Viżjoni Malta 2050.

Il-Eurostat ippublikat ukoll statistika li permezz tagħha taġġusta l-livell ta’ dħul f’kull pajjiż mal-livell tal-prezzijiet. Biex b’hekk jekk baskett ta’ prodotti u servizzi jiswa anqas f’pajjiż, l-ammont ta’ dħul ikun aġġustat il-fuq ħalli kull ewro jixtri l-istess oġġetti f’kull pajjiż.

Din l-istatistika magħrufa bħala purchasing power parities tindika li l-posizzjoni  tal-familji f’pajjiżna kompliet titjieb. Tant li issa familja f’pajjiżna qiegħda fl-għaxar post fejn jidħol saħħa ta’ dħul. Dan hekk kif qbiżna saħansitra s-saħħa tad-dħul medju fi Franza u ninsabu qrib dak tal-Finlandja. Filfatt meta taġġusta għall-livell tal-prezzijiet, id-dħul ras għal ras f’pajjiżna issa qabeż għall-ewwel darba dak fiż-żona ewro.

L-agħar livell ta’ dħul fl-Ewropa jinstab fl-Ungerija, b’ saħħa ta’ dħul medju ras għal ras ta’ anqas minn €12,000 fis-sena. Dan huwa nofs il-livell ta’ pajjiżna. B’kuntrast fil-Lussemburgu hemm l-akbar dħul, madwar darba u nofs dak f’pajjiżna. Fl-2012 id-dħul ta’ familja medja fil-Lussemburgu kien madwar id-doppju ta’ pajjiżna, konferma li anke meta mqabbel mal-aktar familji b’saħħa ta’ dħul, il-familji Maltin għamlu avvanzi kbar fl-aħħar snin. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here