Tkompli l-inċertezza maħluqa minn Trump li d-dinja m’għandhiex bżonn

0
2

Fil-ġimgħa u fix-xhur li għaddew rajna kemm il-darba lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jgħid mod u mbagħad wara ftit ħin jibdel dawk id-dikjarazzjonijiet kompletament. Din l-imġieba tiegħu u ta’ dawk madwaru ħolqu riskji kbar fl-Istati Uniti. Ħolqu tensjonijiet kbar.  Issa qegħdin naraw dawn ir-riskji u dawn it-tensjonijiet, jinfirxu globalment. Din it-tip ta’ attitudni issa qegħdin narawha ukoll fil-qasam globali u din qiegħda toħloq riskji kbar.

L-aħħar każ li kellna kien dak marbut mal-gwerra fl-Iran. F’daqqa waħda, minkejja l-ħafna pompa ta’ jiem ilu dwar il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, issa l-istess Trump ħareġ jgħid li l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied kien spiċċa. Dikjarazzjoni li xxukkjat lil ħafna. Dikjarazzjonijiet li immedjatament kif intqalet poġġiet l-ekonomija dinjija f’riskji kbar. Meta s-sitwazzjonijiet dinjija xejn mhi waħda tajba, din id-dikjarazzjoni ta’ Trump  tefgħet inċertezzi kbar fid-dinja.

U ovvjament meta qal hekk reġgħu bdew l-attakki. Forsi wieħed stenna, għax hekk normalment jiġri, li wara dikjarazzjoni bħal dik is-swieq kienu se jirreaġixxu b’mod negattiv ħafna. Minkejja li kien hemm ix-xokk tal-bidu għall-indikaturi ekonomiċi fosthom il-prezzijiet tal-enerġija  u l-istokks, dan ix-xokk wieħed jista’ jgħid li kien relattivament ikkontrollat, meta mqabbel mal-ewwel attakki u l-imblokk tal-Istrett ta’ Hormuż.  M’hemmx dubju imma li jekk din il-kwistjoni se ttul, l-effett se jkun wieħed qawwi. Ir-riskji huma kbar. 

Il-mistoqsija hi kemm se jdumu għaddejjin dawn l-attakki?  U ovvja ma’ l-attakki jiġi affettwat l-Istrett ta’ Hormuż u miegħu il-provvisti li jgħaddu minn hemm. 

Din hi sitwazzjoni li reġgħet poġġiet lid-dinja fil-qagħda prekarja li kienet fiha. Jekk it-tensjoni u l-attakki humhiex se jiżdiedu jew le għad irridu naraw, imma hu żgur li aktar tensjoni f’dan ir-reġjun u aktar imblokki, se jaffettwa lid-dinja kollha b’mod negattiv. 

Il-prospetti ta’ ftehim ma’ tantx jidhru li huma sbieħ, b’dikjarazzjoni minn Donald Trump, bħal ‘ma rridx nittratta aktar magħhom’ u dan b’riferenza għall-Iran. 

M’hemmx dubju li l-kwistjonijiet marbutin mal-memorandum ta’ ftehim li kien ġie ffirmat u mal-interpretazzjoni tiegħu, ma jissolvew b’attakki ġodda. Ma jissolvewx b’intervent militari. Is-sitwazzjoni tissolva biss madwar il-mejda. Tissolva bid-diplomazija.

Il-ftehim milħuq kien sar permezz ta’ negozjati diversi jiem ilu biex jestendu l-waqfien mill-ġlied  b’60 jum jew aktar jekk ikun meħtieġ biex jilħqu riżoluzzjoni diplomatika finali, inkluż il-futur tal-programm nukleari kontroversjali tal-Iran.

Hu ċar ħafna li fil-kwistjonijiet li jeżistu u li naħa u oħra qegħdin jibqgħu iġebbdu fuqhom, hu importanti ħafna żewġ elementi. Dak li jieqaf il-ġlied u li l-Istrett ta’ Hormuż jitħalla miftuħ.  In-negozjati huma imperattivi għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, mhuwiex biss dwar l-Istati Uniti, l-Iran u l-Lvant Nofsani biss iżda d-dinja u l-ekonomija tagħha. 

Din hi inċertezza li għal darba oħra qiegħda tinħoloq minn ħadd ħlief l-Istati Uniti. Kif nistgħu f’din id-dinja jkollna President bħal dak tal-Istati Uniti, li filli jgħidilna mod u filli jiddikjara mod ieħor u jitfa’ d-dinja f’inċertezza. U meta jagħmel jaffettwa lil popolazzjoni dinjija kollha. Żgur li d-dinja m’għandhiex x’tambi din l-inċertezza. Diġà hawn ħafna tensjoni u kunflitti li sa issa għadha ma instabitx soluzzjoni għalihom. Id-dinja żgur li m’għandhiex bżonn l-inċertezza u l-imprevedibbiltà ta’ Trump. U meta tara dan, ma tistax ma tistax ma tistaqsix, fejn huma l-mexxejja ta’ pajjiżi oħra dinjin?

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here