Jikteb Kevin Abela – Deputat Segretarju Ġenerali – GWU
Il-ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati fis-settur tal-food couriers mhumiex biss ftehimiet fuq il-karta. Huma dikjarazzjoni ċara li dan is-settur ma jistax jibqa’ jitħaddem fuq inċertezza, prekarjat u kundizzjonijiet li jħallu lill-ħaddiema vulnerabbli.
Għal żmien twil wisq, ħafna minn dawn il-ħaddiema taw servizz essenzjali, f’kull temp u f’kull ħin, iżda ma ngħatawx ir-rispett u s-sigurtà li jixirqilhom. Il-GWU kienet hemm, semgħet, organizzat u ħadmet biex tibda tbiddel din ir-realtà.

Illum hemm operaturi li għamlu pass responsabbli ’l quddiem. Aċċettaw li s-settur għandu jiġi regolarizzat, li l-ħaddiema għandhom ikollhom paga bażika u kundizzjonijiet aktar ċari, u li l-vuċi tal-ħaddiema għandha tkun rikonoxxuta.
Iżda rridu nkunu ċari: dan huwa biss il-bidu.
Din il-ġimgħa stess, il-GWU reġgħet ġiet infurmata b’sitwazzjonijiet ta’ abbuż li għadhom għaddejjin f’xi kumpaniji fis-settur. Mhux se nidħlu f’ismijiet f’dan l-istadju, iżda l-messaġġ tagħna huwa dirett: min għadu jaħseb li jista’ jkompli jopera billi jżomm lill-ħaddiema f’kundizzjonijiet inġusti għandu jifhem li dan ma jistax jibqa’ jiġi aċċettat.
Ma jistax ikun li min jagħmel it-tajjeb jispiċċa żvantaġġat, filwaqt li oħrajn jibqgħu jippruvaw jikkompetu billi jżommu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema baxxi. Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż ikollna kumpaniji li jaċċettaw ir-responsabbiltà soċjali tagħhom, u oħrajn li jibqgħu joperaw barra minn qafas ġust.
Il-GWU mhux se taċċetta li jkun hemm żewġ livelli ta’ ħaddiema fl-istess settur. Mhux se naċċettaw li food courier li jagħmel l-istess xogħol, fuq l-istess toroq u taħt l-istess pressjoni, jitħalla b’inqas protezzjoni u b’inqas dinjità minn ħaddieħor.
Il-messaġġ tagħna huwa ċar: min jopera f’dan is-settur għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Il-profitt ma jistax jibqa’ jinbena fuq kundizzjonijiet dgħajfa. Kompetizzjoni ġusta ma tfissirx min iħallas l-inqas jew min jagħti l-inqas protezzjoni lill-ħaddiem. Kompetizzjoni ġusta tfisser regoli ċari, paga diċenti u rispett lejn kull ħaddiem.
Għalhekk il-GWU se tkompli tagħmel pressjoni biex il-kumpaniji kollha fis-settur jimxu fuq standards ġusti u responsabbli. Se nkomplu norganizzaw lill-ħaddiema, nitkellmu mal-awtoritajiet, u ninsistu li l-qafas li beda jinbena ma jitħalliex jiġi mdgħajjef minn dawk li jagħżlu li jibqgħu barra.
Dan huwa mument importanti għas-settur kollu.
Għall-ħaddiema, għad-dinjità tax-xogħol, u għal level playing field veru.
L-istess xogħol.
L-istess toroq.
L-istess drittijiet.









