Il-Pulizija titfagħha fuq l-eks Segretarju tal-Accountancy Board 

Wara li ħareġ ċar li Milenovic mhix ‘Forensic Accountant’…

0
1

Minkejja li din il-ġimgħa fil-Qorti, iċ-Chairman tal-Accountancy Board Edgar Borg xehed illi sabiex persuna tkun tista’ tgħid li hija ‘Forensic Accountant’, fl-ewwel post trid tkun ‘accountant’ u jrid ikollha warrant, ħafna se jkun qed jiddependi fuq ix-xhieda tal-eks Segretarju tal-istess Accountancy Board Martin Spiteri sabiex il-Qorti tasal għad-deċiżjoni tagħha dwar jekk il-Pulizija għamiltx xogħolha meta ma ħaditx passi kontra s-Serba Miroslava Milenovic, meta din għamiltha ta’ ‘accountant’ mingħajr warrant.

Meta din il-ġimgħa kompliet tinstema talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex tkun riveduta deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jipproċedix kontra Milenovic, il-Maġistrat Franco Agius saħaq li fis-seduta li jmiss, it-Tnejn 27 ta’ Lulju, irid jittella’ jixhed is-sur Spiteri.

Tul il-proċeduri li għaddejin fil-Qorti, l-iSpettur Joseph Mercieca, li kien intalab iħares lejn it-talba ta’ Dr Muscat u wasal għal konklużjoni li ma hemmx lok li jittieħdu passi kontra Milenovic, tefagħha fuq l-eks Segretarju tal-Accountancy Board Martin Spiteri li dan qallu b’mod informali li hemm dik li sejjaħ bħala ‘naqra ta’ grey area’ dwar xi tgħid il-liġi fuq ‘accountant’ u ‘forensic accountant’. Madankollu imejl li l-iSpettur Mercieca ippreżenta fil-Qorti, datata 25 ta’ Novembru 2024, imkien ma turi li Martin Spiteri tkellem miegħu f’dan is-sens. 

Din l-imejl tikkonferma li l-Pulizija ma staqsiet xejn lis-sur Spiteri dwar il-kwerela ta’ Dr Muscat. Minflok staqsa jekk persuna tistax tippreżenta ruħha bħala ‘accountant’ jew ‘forensic accountant’ meta ma jkollhiex warrant, l-iSpettur Mercieca ippreżenta żewġ ċertifikati ta’ Milenovic li dwarhom is-sur Spiteri qallu li dawn ma kienux tajbin biex hija setgħet taħdem ta’ ‘accountant’ f’Malta. Mistoqsija oħra li saret f’din l-imejl mill-iSpettur Mercieca kienet dwar x’inhi d-differenza bejn ‘accountant’ u ‘chartered accountant’, punt irrilevanti għall-kwerela li kien ressaq l-eks Prim Ministru.

Meta nhar il-Ħamis il-Maġistrat Agius talab kopja tal-korrispondenza u tad-dokumentazzjoni kollha relatata li l-Pulizija kellha mal-Accountancy Board dwar dan il-każ, l-iSpettur Mercieca ma kienx f’pożizzjoni li jagħti dak mitlub minnu, bil-Maġistrat jagħtih żmien sa għada sabiex jipprovdi kollox.

Il-Maġistrat Agius qal li se jkun qiegħed jagħti piż kbir fuq dak li għadda bejn il-Pulizija u bejn l-eks Segretarju tal-Accountancy Board qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu fuq it-talba tal-eks Prim Ministru.  Huwa mifhum li jrid jiġi stabbilit jekk il-Pulizija kinux żgwidati jew le biex waslu għad-deċiżjoni tagħhom li ma jmexxux kontra Milenovic jew inkella ħadux deċiżjoni ħażina minn rajhom.

Fil-Qorti l-iSpettur Mercieca qal li meta huwa kien ikkomunika mas-sur Spiteri, l-Accountancy Board innifsu ma kienx kompost. L-irwol tas-Segretarju tal-Accountancy Board huwa li jipprovdi appoġġ amministrattiv u proċedurali lill-istess board fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet statutorji tiegħu.

Fl-ewwel seduta tal-kawża fil-11 ta’ Ġunju, is-Segretarju preżenti tal-Accountancy Board, Joseph Schembri Kamm minn naħa tiegħu xehed li Miroslava Milenovic qatt ma kellha warrant ta’ accountant f’Malta u qatt ma appikat biex tingħata warrant. Fit-tieni seduta nhar il-Hamis, Edgar Borg, iċ-chairman prezenti tal-Accountancy Board xehed li f’Malta persuna ma tistax tgħid li hija accountant meta ma jkollix warrant u jekk tagħmel hekk tkun qed tikser il-liġi. 

Iċ-Chairman tal-Accountancy Board qal li persuna li ma jkollix warrant ta’ accountant tista’ tagħmel biss xogħol ta’ book keeping u payroll. Borg spjega li persuna mingħajr warrant ta’ accountant ma tistax tagħmel rapporti ta’ analiżi jekk dawn eventwalment jintużaw minn terzi persuni. Huwa qal li filwaqt li l-liġi tagħti lista ta’ servizzi li jistgħu jagħtu biss accountants, l-istess liġi tagħmilha ċara li persuna ma tistax tippreżenta ruħha bħala accountant mingħajr warrant u li dan jgħodd ukoll għal min jgħid li huwa forensic accountant.

Din il-ġimgħa fil-Qorti, l-iSpettur Mercieca qal li ma jafx jekk il-kwalifiċi li Milenovic qalet li għandha, humiex tajbin jew le biex taħdem f’Malta iżda qagħad fuq il-fatt li Milenovic tqabbdet taħdem f’Malta minn numru ta’ Maġistrati. Għal iktar minn darba qal li bħala uffiċjal tal-Pulizija huwa mhux se jinvestiga lill-Maġistrati, xi ħaġa li fil-kwerela li ressaq Dr Muscat, qatt ma kien mitlub li jagħmel.

Fix-xhieda tiegħu l-iSpettur qal li qatt ma talab lis-Serba sabiex tiġi Malta bil-għan li jkun jista’ jitkellem magħha wiċċ imb’wiċċ iżda kkomunika magħha permezz tal-avukat Peter Fenech. L-iSpettur Mercieca kkonferma li l-Pulizija m’għamlitx kuntatt mal-Malta Qualifications Council biex tkun verifikata l-validità, f’pajjiż tal-UE, tal-kwalfiċi li Milenovic tgħid li għandha.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here