Minn tal-inqas żewġ persuni nqatlu fi sparatura f’festival li kien qed isir fit-triq f’Toronto.
Il-Pulizija f’din il-belt Kanadiża qalu li kienu rċevew rapporti ta’ sparatura f’St Clair Avenue s-Sibt li għadda, għall-ħabta tat-8.12 p.m. ħin lokali, fejn kien qed isir festival tas-salsa.
Sitt persuni kienu nstabu b’feriti kkawżati minn arma tan-nar, bil-pulizija tgħid li żewġ persuni kienu ddikjarati mejta fuq il-post.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-pulizija qalet li sar skambju ta’ tiri waqt il-festival bejn żewġ persuni, u żewġ armi tan-nar kienu rkuprati minn fuq il-post.
Il-pulizija kienet għadha ma arrestat lil ħadd b’rabta ma’ din l-isparatura filwaqt li l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin.
Id-Deputat Kap tal-Pulizija ta’ Toronto Francisco Barredo ddeskriva x-xena bħala “kaotika ħafna” u qal li kien hemm madwar 13,000 persuna fil-festival meta seħħet l-isparatura.
In-nies ġew mitluba biex joqogħdu ’l boqgħod minn din iż-żona, fejn kien hemm preżenza kbira tal-pulizija. Il-pulizija ħeġġet biex kull min għandu xi informazzjoni b’konnessjoni mal-isparatura, jagħmel kuntatt magħha.









