Home Aħbarijiet Lokali Se jigu identifikati faċiltajiet sportivi fl-UE li jeħtieġu investiment

Se jigu identifikati faċiltajiet sportivi fl-UE li jeħtieġu investiment

0
Se jigu identifikati faċiltajiet sportivi fl-UE li jeħtieġu investiment

Minn Pamela Cann Rodgers

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq mapping tal-infrastruttura sportiva eżistenti fl-Unjoni Ewropea, bil-għan li jiġu identifikati dawk il-faċilitajiet li jeħtieġu aktar investiment.

Dan qalu l-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, Glenn Micallef, f’intervista dwar l-irwol tal-Unjoni Ewropea fl-isport, l-infrastruttura sportiva u l-protezzjoni tal-partitarji.

Micallef qal li din il-ħidma se tkun parti mill-Istrateġija Ewropea għall-Isport, li mistennija tiġi ppreżentata wara s-sajf. Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-isport jibqa’ awtonomu u ħieles minn influwenza politika, fid-dawl tal-kontroversja dwar id-deċiżjoni tal-FIFA fil-każ tal-plejer Amerikan Folarin Balogun.

It-Tazza tad-Dinja hija waħda mill-aktar avvenimenti importanti fil-futbol, mhux biss mil-lat sportiv, iżda wkoll mil-lat finanzjarju, speċjalment għal FIFA, għall-pajjiżi ospitanti u għall-miljuni ta’ partitarji madwar id-dinja.

Matul dan it-tournament qamu diversi kontrovxersji, fosthom il-każ tal-Iran, fejn kien hemm rapporti dwar dewmien fil-ħruġ tal-viżi għall-plejers u diffikultajiet għal membri tal-istaff amministrattiv u ta’ appoġġ tal-istess delegazzjoni.

Il-kontroversja kompliet tikber bil-każ tal-plejer Amerikan Folarin Balogun, li kien ingħata karta ħamra fil-logħba kontra l-Bosnja-Ħerzegovina. Is-sospensjoni tiegħu ġiet sospiża qabel il-logħba tal-Istati Uniti kontra l-Belġju, f’kuntest fejn il-President Amerikan Donald Trump kien qal li tkellem mal-President tal-FIFA, Gianni Infantino, dwar il-każ.

F’intervista ma’ Glenn Micallef, il-Kummissarju Ewropew għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, huwa ddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda żbaljata u saħaq li l-isport għandu jibqa’ awtonomu u ħieles minn influwenza politika.

Int kont iddeskrivejt din id-deċiżjoni bħala waħda żbaljata. Għaliex tqis li kienet żbaljata, u x’riskju toħloq għall-awtonomija tal-isport?

Bħala persuna li nsegwi u nħobb il-futbol, iva nemmen li din kienet deċiżjoni żbaljata. Din mhijiex biss kwistjoni dwar plejer jew deċiżjoni dixxiplinari. Hija kwistjoni ta’ prinċipju. L-iSport għandu jibqa’ awtonomu u ħieles minn influwenza politika.

MADRID – September 2, 2023: Angled view of Real Madrid stadium, Santiago Bernabeu, with the upper deck extended, in Madrid, Spain.

Bħala Kummissjoni Ewropea nibqgħu impenjati li niddefendu l-awtonomija tal-isport, ibbażata fuq governanza tajba, trasparenza u integrità. Dan se jkun wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija Ewropea għall-Isport, li se nippreżenta wara s-sajf. 

Grupp ta’ Membri tal-Parlament Ewropew qed jitolbu investigazzjoni dwar jekk kienx hemm pressjoni politika fuq FIFA biex tiġi sospiża s-sospensjoni ta’ Balogun. Taqbel ma’ din l-inizjattiva?

Kull inizjattiva li tfittex li tiċċara l-fatti u ssaħħaħ it-trasparenza għandha l-valur tagħha. 

Iżda, għalija, il-kwistjoni tmur lil hinn minn investigazzjoni fuq każ wieħed. L-isfida vera hija li naraw li l-isport jibqa’ awtonomu u li d-deċiżjonijiet sportivi jittieħdu dejjem b’mod indipendenti u skont ir-regoli.

Bħala Kummissarju ħa tkun qed titkellem mal-Assoċċjazzjonijiet Ewropej, inkluż dik Maltija, dwar id-deċiżjoni tagħhom kontra l-FIFA?

Bħala Kummissarju irrid inkompli naħdem mal-istakeholders kollha biex flimkien insaħħu l-governanza tajba, it-trasparenza u l-integrità tal-isport. L-għan tagħna hu ċar; li nipproteġu l-awtonomija tal-isport u niżguraw li d-deċiżjonijiet sportivi jibqgħu jittieħdu skont ir-regoli u mhux taħt pressjoni politika. Din hija t-tip ta’ konversazzjoni li qed ikolli, u li irrid li jibqa’ jkolli, mal-Assoċċjazzjonijiet sportivi.

X’għandu jkun ir-rwol tal-Unjoni Ewropea f’każijiet bħal dawn, meta FIFA hija korp internazzjonali indipendenti iżda d-deċiżjonijiet tagħha jaffettwaw direttament lill-partitarji, lill-klabbs u lill-assoċjazzjonijiet Ewropej?

L-Unjoni Ewropea ma tistax tissostitwixxi l-korpi sportivi jew tidħol fid-deċiżjonijiet tekniċi tagħhom. L-awtonomija tal-isport għandha tiġi rispettata, iżda l-awtonomija ma tistax tfisser nuqqas ta’ responsabbiltà. 

Il-viżjoni tiegħi hija ta’ Ewropa li ma tindaħalx f’deċizjonijiet sportivi, iżda li tkun preżenti u titkellem biex tiddefendi dak li jagħmel l-isport b’saħħtu: l-integrità, ir-rispett lejn ir-regoli u l-fiduċja tal-partitarji. 

It-Tazza tad-Dinja tal-2030 se tkun organizzata prinċipalment minn Spanja, il-Portugall u l-Marokk, bi tliet logħbiet ċelebrattivi fl-Amerika t’Isfel. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal dan ir-ritorn parzjali lejn l-Ewropa?

Kuntent u kburi li se nerġghu naraw logħob tat tazza tad-dinja jintlab f’pajjizi Ewropej. L-aħħar tazza tad-dinja li rajna fl-Ewropa kienet dik li saret fil-Ġermanja fl-2006. Bħal ħafna supporters għandi memorji mill-isbaħ ta’ din il-kompetizzjoni li ġiet organizzata b’mod eċċellenti u li matulha ġew introdotti l-‘fan zones.’ M’għandix dubju li Spanja u l-Portugall, flimkien tal-Marokk, se jorganizzaw kompettizjoni tal-għola livell u se jkomplu jkabbru l-popolarita’ tal-isport fl-Ewropa.  

Is-sabiħ tat-Tazza tad-Dinja huwa li m’hemmx irbit ma’ kontinent wieħed, fejn il-futbol għandu l-qawwa li jgħaqqadna lil hinn mill-fruntieri. Literalment jgħaqqad lid-dinja.

Taħseb li l-infrastruttura sportiva fil-pajjiżi Ewropej hija b’saħħitha biżżejjed biex tilqa’ avvenimenti ta’ dan il-livell? U l-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra tagħti aktar appoġġ jew inċentivi biex l-Istati Membri jtejbu l-infrastruttura sportiva tagħhom?

Nemmen li m’hemm l-ebda kontinent ieħor fid-dinja li huwa mgħammar tajjeb daqs l-Ewropa biex nilqgħu avvenimenti sportivi fuq din l-iskala. 

Avvenimenti riċenti, bħal Paris 2024 u Milano Cortina 2026, juru l-kapaċità ta’ pajjizi Ewropej fejn tidħol l-organizzazjoni ta’ kompetizzjonijiet ta’ ċertu skala.

Barra infrastruttura sportiva għal avvenimenti ta’ ċertu skala, hu mportanti ħafna li ċ-ċittadini ikollhom aċċess għal infrastruttura sportiva ta’ ċertu livell. 

Huwa għalhekk li fl-Istrateġija li se innhiedu wara s-sajf, se nagħmlu mapping tal-infrastruttura sportiva eżistenti, biex jiġu identifikati dawk il-faċilitajiet madwar l-Unjoni Ewropea li jeħtieġu investiment. 

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, iddefenda l-prezzijiet eżorbitanti li bihom bdew jinbiegħu l-biljetti għal-logħob ta’ din it-Tazza tad-Dinja. Taħseb li għandu jkun hemm regoli Ewropej aktar b’saħħithom dwar il-bejgħ u r-resale ta’ biljetti għal avvenimenti sportivi internazzjonali li jaffettwaw direttament lill-konsumaturi Ewropej?

Meta nitkellmu fuq biljetti għal avvenimenti bħal dawn, anke lil hinn mill-isport bħal kuncerti, irridu niftakru li wara kull biljett hemm persuna li trid tkun parti minn mument speċjali. 

Meta l-prezzijiet jinbidlu mingħajr trasparenza jew il-fiduċja tal-konsumatur titpoġġa f’riskju, dik issir kwistjoni li taffettwa lin-nies direttament. 

Huwa għalhekk li qed naħdmu biex nindirizzaw l-isfidi li jġib miegħu d-dynamic pricing f’avveniment sportivi u kulturali, bil-proposti mistennija jiġu ppreżentati aktar tard din is-sena fil-qafas tal-Att dwar il-Ġustizzja ­  Diġitali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here