Home Aħbarijiet Lokali ‘It-track record tal-Gvern fl-ekonomija huwa l-garanzija tal-futur’ – Il-PM Robert Abela

‘It-track record tal-Gvern fl-ekonomija huwa l-garanzija tal-futur’ – Il-PM Robert Abela

0
‘It-track record tal-Gvern fl-ekonomija huwa l-garanzija tal-futur’ – Il-PM Robert Abela

Il-PM u Mexxej Laburista Robert Abela jgħid li l-abbozz ta’ liġi dwar l-appelli fl-ippjanar jinsab fl-aħħar stadji u se jkun mibni fuq tliet bidliet prinċipali

“It-track record tagħna huwa l-garanzija tal-futur. Taħt Gvern Nazzjonalista kien diffiċli temminha din ir-realtà.” Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista ma’ The Sunday Times of Malta mmexxija mill-ġurnalist Mark Laurence Zammit.

Dr Abela sostna li l-aktar ħaġa li huwa kburi biha hija li “minkejja li Malta hija l-iżgħar Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, konsistentement qed negħlbu lil kull stat membru ieħor f’termini ta’ xogħol u tkabbir ekonomiku.”

Dr Abela qal li s-suċċess ekonomiku jiġi mill-fatt li l-Gvern jaf imexxi l-ekonomija tal-pajjiż “u għax qatt ma użajna l-politika tal-awsterità.” Kien proprju għalhekk li waqt l-istess intervista l-Prim Ministru reġa’ ta garanzija ċara li l-Gvern se jibqa’ jħaddem politika ta’ stabbilità fuq il-gass, il-fjuwils u anke l-elettriku.

“Għandna biżżejjed kumdità fiskali biex nibqgħu nagħtu s-sussidji. Tul il-kriżijiet li kellna żammejna l-prezzijiet tad-diesel, gass u elettriku stabbli u se nagħti l-garanzija li dik l-istabbilità fil-prezzijiet se nżommuha,” kompla jgħid Dr Abela.

Huwa saħaq li dan kollu jista’ jsir biss għax l-ekonomija qed teċċedi l-aspettativi tal-aġenziji li jiskrutinizzaw l-ekonomija u anke l-aspettativi tal-Gvern innifsu f’kull budget.

“Għalhekk il-Budget li ġej se jkun wieħed li jibqa’ jinċentiva lill-poplu biex iżomm il-kunfidenza ekonomika. Xogħolna huwa li nibqgħu nżommu lill-poplu fiduċjuż ,” sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista.

Dwar l-ekonomija temm jaċċerta li “l-garanzija ta’ Gvern Laburista hija li jibqa’ jinħoloq ix-xogħol.”

Garanzija ċara li l-manifest ‘Int Malta’ se jitwettaq kollu

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li l-Partit Laburista kiteb l-istorja bir-raba’ mandat elettorali minkejja l-isfidi internazzjonali kollha, bi sfidi bla preċedent. “

Il-Prim Ministru  qal li mill-1 ta’ Gunju  “il-ħsieb tiegħi reġa’ ġie daqslikieku bdejna xejn, b’xejn. Tlaqna naħdmu f’din il-leġiżlatura daqslikieku l-elezzjoni ġenerali għadha ġejja, bl-istess ritmu ta’ meta konna qed nikkampanjaw, nara u nilqa’ lin-nies ta’ kuljum.”

“Għandna manifest ambizzjuż ħafna u determinat li dan il-manifest inwettquh kollu.”

Abbozz dwar l-Appelli fl-Ippjanar quddiem il-Parlament fl-ewwel 100 jum

Waqt l-istess intervista huwa ħabbar illi l-Gvern wasal fl-istadji finali tal-abbozz ta’ liġi li se jkun qed jittratta l-appelli fis-settur tal-ippjanar, bl-istess abbozz jitressaq quddiem il-Parlament fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura.

Dr Abela qal li l-proċess ta’ djalogu mal-istakeholders għaddej u indika li l-abbozz huwa wieħed li “nemmen illi faċli jġib konverġenza.” Huwa żvela kif dan l-abbozz se jkun mibni fuq tliet bidliet ewlenin.

Spjega li dawn bidliet se jirrispettaw kemm lil min qed japplika għal permess kif ukoll għal min qed joġġezzjona.

“L-ewwelnett bil-bidliet proposti x-xogħlijiet fuq sit ma jistgħux jibdew qabel jingħalqu tliet stadji. Jiġifieri li l-permess ikollu l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, isir l-istadju ta’ kontestazzjoni quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) u imbagħad imur għall-aħħar stadju ta’ kontestazzjoni quddiem il-Qorti tal-Appell. Sakemm jingħalqu dawn l-istadji ma jistax jinbeda x-xogħol,”

Il-Prim Ministru kompla jispjega li t-tieni bidla hija dwar it-terminu ta’ żmien biex jingħalqu dawn l-istadji. Ħabbar li dan se jibda jkun fiss u imqassar meta mqabbel ma’ dak tal-lum, “fl-interess tal-applikant u anke min qed joġġezzjona.”

Finalment jekk it-Tribunal iwaqqa’ permess li tkun ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar l-ispejjeż iridu jiġu rifużi lill-applikant.

Il-Prim Ministru saħaq li din se tkun riforma li rridu niskattaw fl-ewwel mitt ġurnata ta’ din il-leġiżlatura.

‘Il-Labour Migration Policy qed taħdem’

Dr Abela żvela wkoll kif wara li kienet introdotta l-Labour Migration Policy, Malta kellha t-tieni l-inqas bilanċ nett ta’ ħaddiema barranin mill-2017. “Dan ifisser it-tieni l-inqas numru meta tikkalkula dawk il-ħaddiema barranin li waslu Malta u dawk li telqu. Dan juri li l-Labour Migration Policy qed taħdem.”

Għall-mistoqsija tal-ġurnalist, Dr Abela rrikonoxxa li hemm min jimpjega li jilmenta għax mhux isib biżżejjed ħaddiema biex ilaħħaq mal-espansjoni tan-negozji tiegħu. “Imma lil min iħaddem kif twieġbu? Billi tgħidlu li l-Gvern se jagħlaq il-vit tal-ħaddiema barranin? Jew billi dak il-vit tħallih miftuħ b’mod kalibrat?”

Dr Abela qal illi l-ħaddiema barranin ġew fil-pajjiż għax Gvern Laburista ħoloq ix-xogħol u issa qed jaħdem biex jattira investiment fit-teknoloġija, fl-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika u anke fil-manifattura aktar speċjalizzata.

“Il-pożizzjoni tagħna dejjem hija ċara. Il-popolazzjoni tiżdied skont il-bżonn u b’rata inqas aċċellerata.”

“Il-Gvern ma jemminx fil-politika li tippenalizza”

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li llum qed ngħixu f’realtà fejn ħafna familji jifilħu jsiefru jew jixtru karozza u fakkar li l-ġid minnu innifsu fih l-isfidi.

“Imma aħna Gvern li ma nemmnux fil-politika li tippenalizza. Issa jew se ngħollu t-taxxi jew ngħidu daqshekk karozzi u jbatu n-nies jew inkella l-Gvern jinvesti fl-infrastruttura biex l-isfidi jkunu minimizzati.”

Dr Abela elenka numru ta’ bidliet u proġetti, fosthom proġetti kbar ta’ toroq fil-Kappara, fil-Marsa, dak tat-toroq ta’ madwar l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u anke l-proġett fl-Imsida li għaddej bħalissa u li spjega kif jinsab fi stadju avvanzat. Elenka l-proġetti tat-trasport bil-baħar bejn il-Kottonera u l-Belt Valletta kif ukoll bejn Tas Sliema u Buġibba, l-eletrifikazzjoni tat-trasport pubbliku kif ukoll l-istudji li għaddejjin marbuta mat-trasport tal-massa. Dan kollu fil-qafas tal-Malta in Motion li se tgħaqqad forom differenti ta’ trasport.

Għall-mistoqsijiet dwar it-turiżmu Dr Abela xejjen il-gidba li hawn 17-il bajja magħluqa, filwaqt li fakkar ukoll f’passi li ħa l-Gvern biex ikun hemm aktar kontrolli. Saħaq li kien dan il-Gvern li qered l-istaġjonalità li jfisser illi n-numri tat-turisti huma aktar mifruxin matul is-sena kollha. 

Waqt l-istess intervista l-Prim Ministru u Mexxej Laburista ta garanzija li Partit Laburista fil-Gvern iwettaq il-wegħdi li jagħmel fil-manifest elettorali.

Elenka wegħdi importanti li se jkunu qed jitwettqu, fosthom is-Super Bonus għal kull min jaħdem u anke l-ħlas ta’ terapija għal dawk it-tfal b’kundizzjonijiet newro-diverġenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here