L-Avukat Charles Mercieca, f’isem id-Difiża tal-imputat Yorgen Fenech, qajjem punt legali dwar il-kwistjoni tat-tablets li qed jintużaw mill-ġurati. Jgħid li ma jistax ma jsemmihiex fid-dawl tax-xogħol kollu li sar matul dan il-ġuri.
Dr Mercieca jgħid li l-isforz tal-Qorti biex il-ġurati jinżammu sekwestrati seta’ ġie “newtralizzat”, minħabba li l-ġurati kellhom aċċess għal xi headlines.
Jgħid li dawn it-titli jagħżlu x’jingħad minn dak li jkun seħħ fl-awla u li dan, fil-fehma tiegħu, imur kontra l-iskop tas-sekwestru. Huwa jsostni li kien hemm numru ta’ headlines li ma jirriflettux dak li seħħ fl-awla u jagħmel referenza partikolari għal numru ta’ titli ta’ artikli fosthom tat-Times of Malta u NET News. Jgħid li ġew irrappurtati affarijiet li jew ma kellhomx jiġu rrappurtati jew li l-Qorti ma kellhiex kontroll fuqhom. Iżid li headline mhux neċessarjament jirrifletti l-istorja kollha, iżda ħafna drabi jkun maħsub biex iħajjar lill-qarrej jagħfas fuq l-artiklu.
Skont Dr Mercieca, dan ifisser li l-ġurati setgħu kellhom aċċess għall-aktar elementi sensazzjonali tal-aħbarijiet dwar il-ġuri.
Dr Mercieca jkompli jgħid li, minkejja l-isforz kollu li għamlet il-Qorti biex il-ġurati jkunu iżolati minn informazzjoni esterna, id-deċiżjoni tagħhom għandha tkun ibbażata biss fuq dak li ntqal u tressaq fl-awla. Fid-dawl ta’ dan, huwa flimkien mad-Difiża, jitlob lill-Qorti tikkunsidra x-xoljiment tal-ġuri.
