Thursday, May 8, 2025

“Id-dinja għandha bżonn id-dawl”

Papa Ljun XIV fl-ewwel messaġġ tiegħu

Aqra wkoll

Fl-ewwel messaġġ tiegħu mil-loġġa tal-Bażilika tal-Vatikan, Papa Ljun XIV qal li “d-dinja għandha bżonn id-dawl.”

Hu sejjaħ biex ikun hawn l-għaqda, paċi u sens ġdid ta’ fidi filwaqt li ddikjara li “d-dinja għandha bżonn id-dawl Tiegħu” b’referenza lejn Kristu.

Papa Ljun XIV għamel enfasi li hemm bżonn li jerġgħu jibnew il-pontijiet, ikun hemm djalogu u anke l-inklussività li hu sejħilhom li se jkunu l-pilastri tul il-Papat tiegħu.

“Ejja nżommu f’qalbna l-vuċi soda ta’ Papa Franġisku li darba bierek il-Belt ta’ Ruma, li wkoll kien il-Papa li fl-Għid il-Kbir mhux biss ta l-barka fuq il-belt ta’ Ruma, iżda fuq id-dinja kollha,” qal Papa Ljun XIV fl-ewwel messaġġ tiegħu.

“Ħalluni nżid ma’ dik il-barka… Alla jħobbna. Alla jħobb lil kulħadd. Il-ħażen qatt ma jista’ jirbaħ. Aħna ninsabu f’idejn Alla. Għalhekk mingħajr biża’ magħqudin, id f’id ma’ Alla u ma’ xulxin ejja nimxu ‘l quddiem flimkien,” tenna Papa Ljun XIV f’messaġġ b’saħħtu ħafna.

Kompla jgħid li aħna d-dixxipli ta’ Kristu u dan Kristu dejjem ifittixna. L-umanità għandha bżonn lil Kristu bħala l-pont bejn Alla u l-imħabba tiegħu. 

“Ejja nibnu l-pontijiet permezz ta’ djalogu li b’dan il-mod insiru poplu wieħed, ngħixu dejjem fil-paċi…”

Hu reġa’ sellem il-memorja ta’ Papa Franġisku kif ukoll irringrazzja lill-Kardinali kollha li għażlu lilu biex ikun is-suċċessur ta’ Pietru “li se nimxi magħkom fi knisja magħquda li dejjem tfittex il-paċi u l-ġustizzja, li taħdem għal ġid tal-irġiel u n-nisa kollha li hawn fid-dinja fuq l-evenġelju ta’ Ġesù Kristu.”

“Aħna kollha msejħin biex ngħixu fi knisja missjunarja… li tilqa’ lil kulħadd b’idejha miftuħin…” qal Papa Ljun filwaqt li bl-Ispanjol sellem lill-persuni li kienu jgħixu fid-djoċesi tiegħu fil-Peru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport