Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jsaħħaħ il-ħidma kontra l-erożjoni kostali permezz tal-proġett Sandland

0
1

Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed jipparteċipa f’proġett internazzjonali li jindirizza l-proċess naturali ta’ erożjoni kostali, li jinkludi t-tnaqqir tal-blat espost għall-elementi tat-temp u l-baħar. L-għan tal-inizjattiva huwa li jiġu identifikati u implimentati interventi f’waqthom li jnaqqsu r-riskji u l-inkonvenjenzi li jistgħu jinħolqu f’żoni frekwentati mill-pubbliku, filwaqt li tiġi mħarsa s-sigurtà u l-integrità tal-ambjent kostali.

Dan il-proġett, bl-isem ta’ Sandland, jindirizza l-isfida dejjem tikber tal-erożjoni kostali, li tirreferi għat-telf ta’ bajjiet u x-xatt minħabba proċessi naturali bħall-mewġ, il-maltemp u ż-żieda fil-livell tal-baħar.

Dan kollu ġie mħabbar waqt is-Sandland Stakeholders’ Meeting li sar f’Malta, fejn ġew diskussi l-objettivi u l-progress tal-proġett, kif ukoll l-importanza ta’ approċċi sostenibbli f’dak li għandu x’jaqsam l-erożjoni kostali. Din il-konferenza ġie indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli enfasizzat kif dan il-proġett qed jorbot mal-ħidma kontinwa tal-Gvern sabiex isaħħaħ ir-reżiljenza tal-kosti Maltin u jindirizza l-isfidi li qed jinħolqu mit-tibdil fil-klima. Hija spjegat kif permezz ta’ inizjattivi bħal Sandland, il-Gvern qed jinvesti f’approċċi xjentifiċi u sostenibbli li jippermettu ġestjoni aħjar tal-ambjent kostali, filwaqt li jnaqqsu r-riskji għall-komunitajiet u għall-infrastruttura.

“Il-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed tikkontribwixxi b’mod dirett f’dan il-proġett permezz ta’ kompetenza teknika u appoġġ operattiv. Id-Dipartiment qed jgħin sabiex jiġu żviluppati metodi aktar effettivi ta’ monitoraġġ u intervent fuq il-kosti, b’enfasi fuq soluzzjonijiet sostenibbli,” temmet tgħid il-Ministru.

Tkellem ukoll Daniel Fenech, uffiċjal fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li spjega li l-erożjoni kostali hija l-proċess naturali li biha qed titnaqqas il-kosta Maltija mill-fenomeni naturali, u ssir b’bosta elementi naturali bħax-xita, ir-riħ u l-mewġ tal-baħar. Din l-isfida qed taffettwa b’mod dejjem jikber il-kosta Maltija. Fil-passat, ir-risposti tradizzjonali għal din l-isfida kienu jinkludu l-bini ta’ strutturi bħal breakwaters. Madankollu, dawn spiss kienu soluzzjonijiet temporanji u f’ċerti każijiet saħansitra kkontribwew għal aktar telf ta’ sediment minħabba t-tfixkil fil-moviment naturali tar-ramel.

Il-proġett Sandland jippromwovi approċċ aktar sostenibbli u innovattiv ibbażat fuq soluzzjonijiet naturali. L-idea ċentrali hija li jiġu identifikati depożiti ta’ ramel taħt il-baħar u jiġi evalwat jekk dan il-materjal jistax jintuża b’mod sigur biex jerġgħu jiġu rifornuti l-bajjiet permezz ta’ proċess magħruf bħala beach nourishment. Dan il-metodu għandu l-għan li jirrestawra u jżomm il-bajjiet b’mod ikkontrollat u ambjentalment responsabbli.

Il-proġett Sandland huwa kollaborazzjoni bejn diversi istituzzjonijiet akkademiċi u awtoritajiet pubbliċi minn Malta u Sqallija. Il-partnership hija mmexxija mill-Università ta’ Catania u tinkludi wkoll l-Università ta’ Malta, l-Università ta’ Messina u l-Università ta’ Palermo. Il-proġett jagħti wkoll importanza kbira lill-involviment tal-partijiet interessati, inklużi entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet ambjentali, u komunitajiet lokali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here