Id-distakk attwali bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada huwa ta’ 10.5% favur il-Partit Laburista. Minkejja dan, minħabba li f’dan is-sondaġġ qed jidher li għad hemm numru sew ta’ nies indeċiżi, dan l-istħarriġ bħalissa qed jindika li d-distakk bejn il-partiti jista’ jvarja bejn 9% u 12%, meta wieħed jikkonsidra xenarji u mudelli differenti ta’ x’jista’ jiġri minn dan il-grupp ta’ nies indeċiżi.
Dan ħareġ mis-sondaġġ li ġie ppubblikat mill-Professur Vincent Marmara, fejn irrimarka li dan id-distakk huwa inqas mill-aħħar elezzjoni ġenerali minħabba li jidher b’mod ċar li, f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada, hemm numru ta’ votanti li qed jindikaw li mhux se jivvotaw, b’mod partikolari fost dawk li kienu vvotaw lillPartit Laburista fl-2022. Madankollu, huwa interessanti li wieħed jinnota li ċċaqliq tal-voti bejn il-partiti huwa minimu ħafna; fil-fatt, wieħed jikkumpensa lillieħor.
Minn dan is-sondaġġ ħareġ li meta n-nies ġew mistoqsija: “Liema mexxej politiku tippreferi bħala Prim Ministru ta’ Malta?”, fost dawk li vvotaw lill-Partit Laburista fl-2022, 87.3% jippreferu lil Robert Abela, filwaqt li 2.0% semmew lil Alex Borg. Il-bqija kienu indeċiżi (3.6%), qalu ħadd (6.6%) jew qalu ‘oħrajn’ (0.5%).
Dan filwaqt li min-naħa l-oħra, fost dawk li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista fl2022, 81.9% jippreferu lil Alex Borg, u 3.0% lil Robert Abela. Ilbqija kienu indeċiżi (6.1%), 6.0% qalu ħadd jew qalu ‘oħrajn’ (3.0%).
Ir-riżultati finali juru li 46.2% jippreferu lil Robert Abela, u 32.2% lil Alex Borg. Dawk li ma jippreferu lil ħadd jammontaw għal 8.0%, l-indeċiżi għal 9.6%, u oħrajn 4.0%. Dan jagħti distakk ta’ 14.0% favur il-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.


