Saturday, May 9, 2026

Persuni b’diżabbiltà li jużaw is-servizzi tal-Inspire se jgawdu minn tliet proġetti ġodda

Aqra wkoll

Persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw mis-servizzi tal-Inspire Malta se jgawdu minn tliet proġetti oħra b’investiment fl-iżvilupp ta’ park multisensorjali f’Marsaskala, l-iżvilupp ta’ Ċentru Stubbs bħala ċentru modern edukattiv u terapewtiku, kif ukoll inizjattiva nazzjonali sabiex jissaħħu s-servizzi għad-diżabilità f’Malta u Għawdex.

It-tnedija ta’ dawn il-proġetti saret mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, li sostna li dawn il-proġetti jirriflettu viżjoni ta’ Gvern li mhux biss jinvesti f’infrastruttura moderna u sostenibbli, iżda fuq kollox fil-persuna, fid-dinjità tagħha u fil-potenzjal tagħha.

Il-proġett tal-park multisensorjali f’Marsaskala se jwassal għall-ħolqien ta’ spazju innovattiv u kompletament aċċessibbli, mibni fuq prinċipji ta’ inklużjoni, sostenibbiltà u benesseri fil-komunità. Il-park se jinkludi ġonna sensorjali, żoni terapewtiċi u rikreattivi, spazji ta’ logħob inklussiv, żona għat-terapija biż-żwiemel u faċilitajiet moderni mfassla biex jilqgħu persuni b’abbiltajiet differenti f’ambjent sigur u terapewtiku.

Dan il-proġett se jkun parti minn pjan usa’ ta’ espansjoni li se jkompli jsaħħaħ is-servizzi offruti minn Inspire, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għal aktar aċċessibbiltà u kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunità.

Intant, il-proġett ta’ Ċentru Stubbs se jwassal għall-ħolqien ta’ ċentru nazzjonali ġdid għall-edukazzjoni, terapija u benesseri komunitarju f’Marsaskala. Dan il-proġett se jespandi sostanzjalment il-kapaċità tas-servizzi offruti minn Inspire permezz ta’ faċilitajiet terapewtiċi avvanzati, spazji edukattivi u rikreattivi, żoni ddedikati għall-familji, kif ukoll infrastruttura mfassla biex tilqa’ aħjar il-ħtiġijiet ta’ tfal, żgħażagħ u adulti b’diżabilità.

Barra minn hekk, se ssir ukoll inizjattiva nazzjonali sabiex jissaħħu aktar is-servizzi għad-diżabilità f’Malta u Għawdex permezz ta’ sitt proġetti differenti ffukati fuq intervent bikri, programmi edukattivi għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, hydrotherapy, servizzi ta’ appoġġ għall-familji, riċerka u żvilupp, kif ukoll servizzi ġodda għal familji Għawdxin.

Din l-inizjattiva hija maħsuba biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tas-servizzi offruti filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li persuni b’diżabilità għandhom jingħataw mhux biss servizzi ta’ kwalità, iżda wkoll opportunitajiet fattibbli biex jgħixu b’dinjità, indipendenti u b’parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà.

Min-naħa tiegħu, Antonello Gauci, il-Kap Eżekuttiv ta’ Inspire Malta spjega kif dawn il-proġetti huma pass ieħor importanti fil-missjoni tal-fondazzjoni biex tkompli toffri servizzi aktar moderni, innovattivi u inklussivi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-lum u ta’ għada.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport