Saturday, May 9, 2026

Trump jgħid li l-waqfien mill-ġlied bejn l-Istati Uniti u l-Iran għadu fis-seħħ

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li l-ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn l-Istati Uniti u l-Iran għadu fis-seħħ wara li tard il-Ħamis filgħaxija, iż-żewġ naħat wettqu skambju ta’ attakki bejniethom. 

Kmandant militari ewlieni tal-Iran allega li l-Istati Uniti mmiraw fuq tanker taż-żejt Iranjan u bastiment ieħor li kien qed joqrob lejn l-Istrett ta’ Hormuz u li wettqu “attakki mill-ajru” fuq diversi żoni kostali. 

Min-naħa tagħhom, l-Istati Uniti qalu li wieġbu għall-attakki Iranjani fuq destroyers tal-flotta Amerikana mgħammra b’missili fl-Istrett permezz ta’ attakki ta’ “awto-difiża”. 

Dawn l-attakki seħħew ġurnata wara li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran qal li kien qed jikkunsidra l-proposta tal-Istati Uniti għat-tmiem tal-gwerra.

F’dak li kien meqjus bħala sinjal ieħor tal-fraġilità tal-waqfien mill-ġlied, kmieni l-Ġimgħa filgħodu, il-Ministeru tad-Difiża tal-Emirati Għarab Magħquda qal li s-sistemi tad-difiża tal-ajru tiegħu kienu “qed jirreaġixxu b’mod attiv” għal attakki bil-missili u drones mill-Iran. 

Il-midja statali Iranjana inizjalment irrapportat “splużjonijiet” fl-Istrett ta’ Hormuz, u ddeskriviethom bħala “skambju ta’ sparar” ma’ dak li sejħitilhom bħala “l-għadu”. Sadanittant, il-midja lokali rrapportat li nstemgħu splużjonijiet f’Tehran. 

Ftit tal-ħin wara, fi stqarrija maħruġa mill-ogħla kmandant militari tal-Iran, intqal li “attakki mill-ajru” Amerikani kienu laqtu l-kosti ta’ Bandar Khamir, Sirk u l-gżira ta’ Qeshm. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport