L-aħħar darba li l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni generali fl-2008, kien wiegħed tnaqqis fit-taxxa iżda ma wettqux. Wettqu Gvern Laburista fl-2013. Wara komplejna nnaqqsu t-taxxa permezz ta’ refund. Kemm kienu tkażaw biċ-ċekkijiet. Iżda issa se jagħtu ċekk huma, qed jgħidu.
Qed jgħidu li se jagħtu €1,200 kull persuna. Flok ċekk sejħulu rebate ta’ garanzija. Garanzija ta’ x’hiex irridu naraw.
Fil-preżentazzjoni ta’ din il-proposta qalu li se jeħduh 300,000 ħaddiem u se jiswa bejn €110 miljuni u €130 miljun. Kif innota sewwa l-Ministru Clyde Caruana, ħadu żball banali ta’ bejn €230 miljun u €250 miljun f’multiplication li jitgħallmu tfal fl-Iskola Primarja.
Iżda hemm xi ħaga oħra interessanti.
F’pajjiżna m’hawnx 300,000 ħaddiem Malti u mill-Unjoni Ewropea. 92,000 minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi. Dan ifisser li kull barrani li jiġi f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista se jagħtih rigal ta’ €1,200 fis-sena. Dan se jagħmel lil Malta saħansitra aktar attraenti biex ħaddiema barranin ikunu jridu jiġu jaħdmu hawn.
Mela f’wiċċ in-nies jgħidu li huma kontra l-ħaddiema barranin b’retorika kważi razzista (mingħajr ma jgħidu min se jagħmel ix-xogħol li ma jridux jagħmlu l-Maltin) iżda bil-fatti se jagħtuhom rigal ta’ €1,200 fis-sena biex jiġu Malta. Se jonfqu €110 miljuni fis-sena f’dan ir-rigal lill-barranin li jgħidu kontrihom. Iwaħħlu f’Joseph Muscat għall-ħaddiema barranin u issa se jagħtu lilhom rigal biex aktar jiġu !
Differenza kbira mill-miżura maħsuba sew tas-Super Bonus ta’ €1,000 li kif ħabbru l-Prim Ministry u Clyde se tingħata biss lill-Maltin, Ewropej u nies li jkunu ilhom tul ta’ żmien f’Malta.
Nerġa ngħid li dan kollu jrid jingħad lil hemm mill-miżuri individwali, iżda hija kwistjoni ta’ kredibilita’.
Dan iddikjarah l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’messaġġ li tella’ fuq il-mezzi soċjali.


