Tuesday, December 24, 2024

Id-dritt ta’ rtirar

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jagħti d-dritt  lill-konsumaturi li jirritornaw il-prodotti li jkunu xtraw lura għand il-bejjiegħ jekk dawn ikunu difettużi jew  ma jkunux kif imwegħda mill-bejjiegħ waqt ix-xiri. 

F’każijiet hekk, il-bejjiegħ għandu l-obbligu li jsewwi jew jibdel il-prodott mingħajr ħlas   u meta dawn ir-rimedji ma jkunux possibli, il-bejjiegħ obbligat jirrifondi l-flus imħallsa. Importanti, iżda, li wieħed iżomm f’moħħu li l-bejjiegħ dejjem għandu jingħata ċ-ċans li l-ewwel jipprova jsewwi l-prodott mingħajr ma joħloq inkonvenjenza kbira lill-konsumaturi. 

Meta konsumatur jixtri prodott jew servizz mingħand bejjiegħ, il-liġi ma tagħtihx id-dritt li jitlob rimedju f’każ li jkun għamel għażla ħażina jew ikun biddel fehmtu wara li jtemm ix-xiri. Meta jiġri dan, biex wieħed ikun jista’ jirritorna l-oġġett li ma jridx jew jieħu flusu lura, irid jiftiehem dwar dan mal-bejjiegħ qabel ma’ jtemm ix-xiri.

Wieħed għandu jara wkoll jekk il-bejjiegħ għandux xi poloz ta’ ritorn ma’ xiex irid jimxi u jekk dawn ikunux japplikaw għal kull tip ta’ xiri.  Importanti li jekk isir xi ftehim b’mod verbali dwar ritorn, għalkemm dan xorta jorbot, għandu jitniżżel kollox bil-miktub sabiex ikun hemm prova ta’ dak li jkun intqal. 

Il-konsumaturi għandhom drittijiet legali differenti meta l-prodott jew servizz mixtri jkun inxtara permezz ta’ kuntratt mill-bogħod jew lill-hinn mill-post tan-negozju. Meta l-prodott jinkiseb b’wieħed minn dawn il-metodi ta’ xiri, il-konsumatur għandu d-dritt li jibdel fehmtu, jħassar ix-xiri u  jibgħat il-prodott lura għand il-bejjiegħ mingħajr il-bżonn li jagħti raġuni għalfejn qed jagħmel dan.

Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi jagħtu lill-konsumaturi erbatax-il ġurnata (14) fejn matulhom ikunu jistgħu jħassru x-xiri mingħajr ma jeħlu  penali. L-14-il ġurnata jibdew jgħoddu hekk kif il-prodott mixtri jasal għand il-konsumatur.  Kemm fil-każ ta’ xiri mill-bogħod, u kemm f’dak ta’ lill-hinn mill-post tan-negozju, id-dritt ta’ rtirar għas-servizzi jiskadi 14-il ġurnata minn meta jkun ġie iffirmat il-kuntratt tax-xiri.

Il-konsumaturi għandhom ikunu nfurmati b’mod ċar dwar id-dritt ta’ rtirar hekk kif jiġi konkluż ix-xiri. Jekk le, dan il-perjodu jiġi estiż għall-sena jew inkella jibda jgħodd minn meta l-konsumatur jiġi infurmat b’dan id-dritt.

L-unika spiża li jista’ jiġi mitlub iħallas il-konsumatur meta jiddeċiedi li jħassar ix-xiri,  hi l-ispiża tal-pustaġġ biex jiġu ritornati l-oġġetti mixtrija lura għand il-bejjieħ. Iżda, jekk il-konsumatur ma jkunx infurmat b’din l-ispiża, din trid titħallas mill-bejjiegħ innifsu. Għalhekk huwa importanti li l-konsumaturi dejjem jaqraw dak kollu li jkun hemm miktub, speċjalment it-termini u kundizzjonijiet relatati mar-ritorn tal-oġġetti mixtrija, li normalment ikunu inklużi f’dawn il-klawżoli. 

Ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi jistipulaw li l-prodotti li l-konsumatur ma jkunx irid, għandhom jintbagħtu lura għand il-bejjiegħ fi żmien 14-il ġurnata minn meta dan ikun ġie infurmat bil-kanċellament.  Meta wieħed jagħmel użu mid-dritt ta’ rtirar, il-bejjiegħ hu obbligat li jagħti l-flus lura lill-konsumatur fi żmien 14-il ġurnata minn meta jkun infurmat bil-kanċellament. Iżda, qabel jagħmel dan, il-bejjiegħ jista’ jistaqsi lill-konsumatur biex jipprovdih bil-provi neċessarji li l-prodott vera jkun intbagħat lura.

Id-dritt ta’ rtirar ma jgħoddx meta konsumatur jixtri l-prodotti jew servizzi li ġejjin:

  • servizzi  li jkunu ġew provduti jew bdew jintużaw mill-konsumatur u bil-kunsens minn qabel tal-konsumatur li jitlef id-dritt tal-irtirar;
  • provvista ta’ oġġetti jew servizzi li l-prezz tagħhom jiddependi fuq varjazzjonijiet fis-suq finanzjarju;
  • provvista ta’ oġġetti magħmula skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur jew personalizzati;
  • provvista ta’ oġġetti li jiddeterjoraw jew jiskadu malajr;
  • provvista ta’ oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu ritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa, u nfetħu wara l-kunsinna;
  • provvista ta’ gazzetti, perjodiċi u rivisti, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti ta’ abbonament għall-provvista ta’ tali publikazzjonijiet;
  • kuntratti konklużi waqt irkant pubbliku;
  • provvista ta’ akkomodazzjoni għall-skopijiet mhux residenzjali, trasport tal-oġġetti, servizzi tal-kiri tal-karozzi, catering jew servizzi oħra relatati ma’ attivitajiet ta’ divertiment jekk fil-kuntratt ikun hemm data speċifika ta’ eżekuzzjoni; u 
  • provvista ta’ kontenut diġitali permezz ta’ mezz mhux tanġibbli jew l-eżekuzzjoni tkun bdiet bil-kunsens tal-konsumatur u bil-konferma tiegħu li jitlef id-dritt tal-kanċellament.

F’każ li l-konsumaturi jiġu mċaħda mid-dritt ta’ rtirar meta jixtru prodotti permezz ta’ kuntratti lill-hinn jew ‘il-bogħod mill-post tan-negozju, ikunu jistgħu jiftħu ilment mal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Ekonomija

Sport