Saturday, December 21, 2024

ID-DRITTIJIET TAL-KONSUMATURI MATUL IS-SALES

Aqra wkoll

Minn Claire Micallef

Issa li għadda l-Milied, ħafna mill-ħwienet jibdew jirriklamaw is-Sales. L-iskontijiet u l-idea li wieħed ikun qed jiffranka l-flus, iħeġġu lill-konsumaturi sabiex jixtru iktar u xi kultant anke prodotti li ma jkollhomx daqstant bżonn. Il-konsumaturi għandhom jiftakru li filwaqt li d-drittijiet legali tagħhom mhumiex affetwati mir-roħs fil-prezzijiet, il-bejjiegħa jistgħu jiddeċiedu li jbiddlu l-poloz ta’ ritorn li jaddottaw waqt iż-żmien tas-Sales.

Ħafna mill-bejjiegħa, illum il-ġurnata saru jimplimentaw poloz ta’ ritorn li huma vantaġġjużi għall-konsumaturi. B’hekk jippermettu lill-konsumaturi li jibdlu fehemthom mix-xiri li jkunu għamlu u  jirritornaw il-prodotti mhux mixtieqa. Dawn it-tip ta’ poloz ta’ ritorn, normalment ikunu jagħtu lill-konsumaturi numru ta’ ġranet fejn matulhom ikunu jistgħu jirritornaw u jibdlu l-prodotti mixtrija.  Hemm ukoll diversi ħwienet li jħallu lill-konsumaturi jagħżlu nota ta’ kreditu jew saħansitra rifużjoni tal-flus imħallsa.

Matul il-perjodu tas-Sales, uħud minn dawn il-poloz ta’ ritorn jaf jinbidlu jew jitneħħew kompletament mill-bejjiegħa. Fil-fatt, diversi bejjiegħa jagħmlu avviżi fejn ikun hemm miktub ”No refund” jew “No Exchanges” matul is-Sales. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ xiri jistgħu ovjament jiġu addottati meta l-konsumaturi jibdlu fehemthom jew jagħmlu għażla ta’ xiri ħażina. Mill-banda l-oħra, iżda, ma jkunux jistgħu jiġu applikati jekk il-prodott mibjugħ jinzerta difettuż. F’każijiet hekk, il-konsumaturi dejjem għandhom id-dritt legali għal rimedju b’xejn.

Sales jew le, il-prodott mixtrija għandhom ikunu hekk kif deskritti mill-bejjiegħ u tajbin għall-użu li jkun staqsa għalihom il-konsumatur. Jekk il-prodotti ma jkunux jilħqu dawn il-kriterji, allura l-konsumaturi ikunu leglament intitolati għal tiswija jew bdil b’xejn u jekk dawn ir-rimedji ma jkunux possibli, rifużjoni totali jew parzjali tal-flus imħallsa.

Filwaqt li d-dritt legali għal rimedju b’xejn jibqa’ jgħodd għalsentejn minn meta jkun inxtara l-prodott u twassal għand il-konsumatur, hi r-responsabbiltà tal-konsumaturi li jiċċekjaw l-prodotti qabel iħallsu u joħorġu mill-ħanut. F’każ li difett joħroġ wara li jibda jintuża l-oġġett, il-konsumaturi huma responsabbli li jirrappurtaw il-ħsara immedjatament.  Meta l-konsumaturi jinfurmaw lill-bejjiegħa dwar il-prodott difettuż, importanti li jispjegaw sew x’inhi l-problema u jipprovdu l-prova tax-xiri. Din tista’ tkun l-irċevuta fiskali jew kopja tal-bank statement.

Il-konsumaturi jaf isibu rwieħhom f’sitwazzjonijiet fejn il-prodott mixtri bil-prezz oriġinali joħroġlu xi difett u meta jiħduh għand il-bejjiegħ jindunaw li l-prezz tal-oġġett issa ġie mraħħas. F’każ li jiġri dan u l-bejjiegħ la jkun jista’ jsewwi u lanqas jibdel il-prodott difettuż, il-konsumatur ikun intitolat li jitlob rifużjoni tal-prezz oriġinali li jkun ħallas u mhux tal-prezz bis-Sales. Il-konsumatur, iżda, huwa responsabbli li jippreżenta prova tal-ammont oriġinali li jkun tħallas għall-prodott.

F’każ li l-oġġetti li qed jiġu ritornati waqt is-Sales ma jkunux difettużi, hawnhekk il-konsumaturi ma jkollhomx drittijiet legali. F’każijiet hekk, jekk il-konsumatur ikunx jista’ jibdel il-prodott jew le, jew jekk il-konsumatur għandux jingħata rifużjoni tal-prezz oriġinali jew tal-prezz bis-Sales, jiddependi mill-poloz ta’ ritorn tal-bejjiegħ u mill-ftehim li jkun sar mal-bejjiegħ qabel ġie konkluż ix-xiri.

Ikun hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn il-prodotti mibjugħa bi prezz ridott ikunu deskritti bħala seconds jew shop soiled. Meta dan ikun il-każ, wieħed għandu jara sew x’inhuma d-difetti jew ħsarat li għandu l-prodott. Wara li jsir dan, il-konsumaturi jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu jixtrux il-prodott jew le. Il-konsumaturi għandhom jiftakru li ma jkunux jistgħu jilmentaw dwar difetti li jkunu ġew infurmati dwarhom qabel ix-xiri. Iżda, mill-banda l-oħra jekk wara li jixtru prodott shop soiled, dan joħroġlu xi difett ieħor li l-konsumaturi qatt ma jkunu ġew infurmati bih, xorta jkunu jistgħu jitolbu rimedju.

Sabiex jieħdu l-aqwa valur għal flushom, anke matul is-Sales, il-konsumaturi għandhom iduru diversi ħwienet u jqabblu l-prezzijiet u offerti ta’ ħwienet differenti. Meta jkunu qed jagħmlu dan ikollhom possibbiltà  ikbar li jsibu l-aħjar offerti. 

Meta wieħed ikun qed jixtri matul is-Sales għandu jkun jaf li l-bejjiegħa huma legalment obbligati li juru l-prezz finali tal-prodott bil-prezz ridott b’mod ċar. Barra minn hekk, is-Sales għandhom ikunu ġenwini. Huwa illegali li l-bejjiegħa jippretendu li l-prodotti ġew imraħħsa meta fil-verità l-istess prodott qatt ma jkun inbiegħ bi prezz iktar għoli. Meta l-bejjiegħa jagħmlu paragun mal-prezzijiet preċedenti, il-prezz ta’ qabel għandu jkun l-aħħar prezz li bih il-prodott ġie mibjugħ qabel is-Sales.

Avviżi b’riklamar ta’ persentaġġi ta’ roħs għandhom jirriflettu l-verità u m’għandhomx ikunu qarrieqa. Dan ifisser li jekk ħanut ikun qed jirriklama roħs ta’ 50% mingħajr ma jindika eċċezzjonijiet, allura wieħed għandu jistenna li l-oġġetti kollha fil-ħanut qed jinbiegħu b’dak l-iskont. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-riklamar tas-Sales ikun qarrieqi u  għalhekk illegali.

Il-konsumaturi jistgħu jirrapurtaw prattiċi kummerċjali qarrieqa lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA). Riklami u promozzjonijiet qarrieqa għandhom jiġu rrapurtati permezz tal-Flag a Concern mill-website uffiċjali tal-MCCAA: https://mccaa.org.mt/home/infringement

L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur  fuq il-freephone 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.

Claire Micallef

Uffiċjal għall-Informazzjoni

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur

Ekonomija

Sport