Friday, May 3, 2024

“Iddejjaqni ħafna is-sens ta’ klawstrofobija’….’’se nibqgħu hekk tirrapporta xquq f’darek minħabba l-kostruzzjoni u ħadd ma jagħti kasek?”

- Il-kandidat għall-Parlament Ewropew Steve Ellul

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-klassi tan-nofs nisimgħu ħafna fuqha. Spiss nisimgħu kemm miexja ‘lquddiem. Imma r-realtà li għandna hi li hemm sezzjonijiet sħaħ tal-klassi tan-nofs u persuni oħra li qed iħossu li mhux igawdu minn dak li jissejjaħ tkabbir ekonomiku. Għandna sezzjonijiet tal-klassi tan-nofs li qegħdin juru li mhumiex kuntenti.

Dan is-sit saqsa dwar dan u kwistjonijiet oħra, lill-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Steve Ellul, li hi parti minn sensiela ta’ intervisti mal-kandidati Laburisti li se jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet.

Steve Ellul jiddikjara li “hemm ħafna affarijiet li rridu inġeddu, nibdlu jew insaħħu. Nemmen li rridu nsaħħu l-infurzar fosthom fuq kull min jikser il-liġi f’dan il-pajjiż. Xi ħaġa li ddejjaq in-nies hi l-kwistjoni tal-barranin. L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hu li nbeżżgħu n-nies bir-razziżmu.

Din hi logħba perikoluża li qed tuża l-Oppożizzjoni, li tipprova tikkultiva element ta’ razziżmu u klassiżmu. Irridu nkunu aħna li noffru s-soluzzjonijiet. Naraw li jkun hawn infurzar. Kull min qed f’pajjiżna u m’għandux ikun hawn u mhux jikkontribwixxi u qed hawn b’mod abbużiv, jiddispjaċini il-pajjiż ma jiflaħx għal dan it-tip ta’ persuni, għal individwi li qed ikunu huma stess abbużati minn ħaddiehor għax qed jużahom ta’ numri u allura hemm bżonn infurzar fuq kull min qed jikser il-liġi.

Ir-regoli li qed jidħlu fuq skills cards irridu naraw li jkunu osservati, għax f’Malta m’għandniex bżonn kwantità imma kwalità. Għandna ħafna ħaddiema barranin li qegħdin hawn u qed jaħdmu u jagħmlu dak kollu possibbli biex jikkontribwixxxu u qegħdin jintegraw il-familji. Aħna lil dawn irridu.

Min qed hawn b’mod abbużiv u saħansitra qed jabbuża minn ħaddiema oħra, dawk m’hawnx posthom. Irridu nkunu dixxiplinati ma’ kull min qed jabbuża. Dan hu pajjiż ċkejken u nemmnu li nistgħu nġeddu l-mudell ekonomiku tagħna. Dan isir billi tħares lejn il-kwalità u għal kwalità irid ikollok ħaddiem imħarrġin.

Għaliex ma nerġgħux ninvestu bis-saħħa fl-iskejjel tas-snajja. Qed inġibu ħaddiem barranin, għax f’Malta m’hawnx welders u technicians. L-iskejjel tas-snajja, xi ħadd darba, li llum jgħid li m’għandniex pjan ekonomiku, iddecieda li jagħlaq l-iskejjel tas-snajja u ftit wara għalaq it-tarznari, l-akbar żewġ riżorsi li qatt kellna biex joħorġu ħaddiema tas-sengħa f’dan il-pajjiż.

Illum irrid nerġgħu naraw li ndaħħlu din l-idea tas-snajja. Għandna żgħażagħ li dak li jaraw għajnejhom jagħmluh idejhom. Jekk intuhom it-taħriġ li għandhom bżonn dawn jistgħu jkunu l-leaders tal-ekonomija li għandna bżonn.

Dawn fatturi li jwasslu biex jonqsu l-ħaddiema barranin. Flok nitkellmu fuq il-biża’ nagħtu s-soluzzjonijiet. Nitkellmu fuq il-politika tar-raġuni u l-maturità li twassal għal pajjiż aħjar li nixtiequ. Il-politika tal-biża’ u l-battibekki ma twassal imkien.”

Nistaqsuh jekk hux kuntent bil-paga reali f’Malta u jekk iħossx li din għandha tiżdied. Iwieġeb li “naħseb li d-diskussjoni trid tkun ħafna aktar wiesa minn hekk. Irridu inżommu l-mudell ekonomiku li għandna jew irridu inġedduh, li nibnu fuq it-tajjeb li sar fl-aħħar snin biex ikollna mudell aktar imġedded u biex ikollna mudell ta’ aktar kwalità f’dak li nipproduċu u dan ifisser negozji aktar kompetittivi. Fis-settur tal-kostruzzjoni se jibqa’ jħares lejn impiegi ta’ livell baxx, ta’ ħaddiema barranin li m’għandhomx it-talent tal-ħaddiema Maltin ta’ dari u jitħallsu b’mod baxx u l-kwalità tal-bini tkun dik li tkun? Se nibqgħu hekk aħna? Jew inkella rridu naraw li s-settur tal-kostruzzjoni jimxi lejn proprjetà u żvilupp li jkunu ħafna aktar bis-sens u ta’ kwalità u li jħaddem ħaddiema ta’ kwalità u li jtihom it-taħriġ li hemm bżonn u allura jħallashom pagi aħjar. Dan hu l-mudell li rridu fil-kostruzzjoni.”

Nistaqsuh jekk hux kuntent bl-ambjent ġenerali ta’ pajjiżna b’mod partikolari l-ambjent fil-qalba tal-irħula u l-ibliet u l-ambjent naturali. Steve Ellul jgħid li “hemm xi ħaġa oħra li ddejjaqni ħafna. Dan hu is-sens ta’ klawstrofobija. Anke madwarna tara, livell ta’ kostruzzjoni li m’għandux standards tajbin. Dan x’jiġifieri tkun għaddej ħdejn id-dar u tkun qisek b’mod permanenti f’żona ta’ kostruzzjoni. Għalfejn m’għandniex ikollna standards aħjar kif isir il-bini. Jien għext barra, ikollok sitwazzjoni fejn fi triq ikun hemm kostruzzjoni ta’ torrijiet u bilkemm tkun taf …jintużaw inġenji u standards elevati ħafna. Jien irrid nara li inti tkun komdu tgħix f’dan il-pajjiż. Irridu nirrikonoxxu ħafna li n-nies jippretendu aktar u sew jagħmlu. Irrid nara setturi sħaħ bħall-kostruzzjoni, manifattura u turiżmu li jimxu ‘lquddiem billi jżidu l-kwalità tagħhom u jnaqqsu l-impatt ambjentali.”

Domanda oħra li għamilnielu kienet dik kif fil-kostruzzjoni hu fatt li għad hawn il-‘cowboys’ minkejja dak li jingħad. Insemmulu kif “kontinwament tara żvilupp bi ħsejjes, trabijiet u inkonvenjenzi oħra, b’nies jirrappurtaw lill-awtoritajiet, jgħidulu li se jmorru u jieħdu azzjoni imma dan qatt ma jseħħ. Taħseb li hawn nuqqas ta’ infurzar?”

Steve Ellul jenfasizza li ““jekk kien hemm xi ħaġa li weġgħatni bħala tifel ta’ ħaddiem kienet il-mewt oħra ta’ Jean Paul Sofia fost oħrajn. Jien kull darba li xi ħadd jitlef f’ħajtu għalina bħala pajjiż hu falliment. Jean Paul seta’ kien hija, seta’ kien kuġin u għalija mhux aċċettabbli li dan il-qasam ma jkollux standards għoljin. Jagħmel tajjeb il-gvern li jieħu inkonsiderazzjoni kif qed jagħmel u jimplimenta ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta. Irridu naraw li hemmhekk mhux biss ikollok il-kapaċità li tinforza imma rridu naraw li aħna ir-residenzi inkunu fuq l-istess livell tal-kuntratturi. X’jiġifieri qed tgħix f’darek hemm xogħlijiet u tara x-xquq, u meta tirrapporta qisu ħadd ma jagħti kasek. Hu tajjeb dak li għamel il-gvern li min hu resident se jkollu dritt għal avukat u perit bla ħlas ħalli ħadd ma jipprova jibbuljani għax għandu is-saħħa tal-flus u joqgħod iqabbad il-periti u lili jġibni f’diżlivell. Importanti għall-familji, ħaddiema u anke għall-iżviluppaturi. Min hu serju m’għandux għalfejn jibża’ mir-regolamentazjoni. Jien niltaqa’ ma’ żviluppaturi u dawk li huma serji jgħidulek li għalihom hu importanti li jkun hemm regolamentazzjoni għax is-settur tħalli barra minnu l-cowboys kif sejjaħtilhom inti. Tneħħi barra minnhom dawk li mhumiex serji u qed joħolqu l-problemi. Kull settur li għandu jagħmilha u hemm setturi oħra li jridu jagħmluha u jiġġeddu. Irridu nibnu fuq it-tajjeb u nżidu l-infurzar u l-incentivi għal negozji sostenibbli. Min ma jridx regolamentazzjoni u min iħoss li għandu jagħmel li jrid, lil dak m’għandniex bżonn fl-ekonomija tagħna. Jien nemmen ħafna fid-dixxiplina u l-infurzar. Lit-tfal tagħna aħna nippruvaw inżommulhom id-dixxiplina. Meta kont l-iskola mas-sorijiet, kellna soru li kien taqbad riga waħda minn dawk it-twal il-kbar issabbatha fuq il-mejda u ħadd ma kien jitniffes. Tlajna kollha dixxiplinati. Naħseb li l-poplu llum il-gurnata għandu bżonn u għandu din ix-xewqa li jkun hawn id-dixxiplina b’mod ġenerali. L-infurzar hu importanti u rridu naħsbu b’mod modern u aktar smart dwar kif ikollna infurzar li jagħmel sens anke bl-użu ta’ teknoloġija u intelliġenza artificjali. Dawn jistgħu jagħmlu l-infurzar ħafna aktar effettiv mingħajr il-bżonn ta’ ħafna ħaddiema u riżorsi umani għax nifhem li huma neqsin minn kullimkien.”

Project Green saru diversi proġetti. Nara li dawn kienu proġetti fejn is-siġar huma neqsin u l-proġetti fihom il-konkrit. Din hi impressjoni żbaljata?
Iwieġeb li “nista’ nitkellem fuq il-proġetti ta’ Project Green. Nagħti garanzija li lebda wieħed ma kellu konkos fih. Anzi konna noqogħdu attenti ħafna li nużaw materjal sostenibbli. Nużaw art li tun magħmula mill-ħamrija u li tkun minn materjal li jkun ġej mis-siġar stress. Qgħadna attenti li l-bandli isiru b’materjal sostenibbli. Tajna eżempju kif isiru park u spazji miftuħa. Jien nemmen li meta jkollox ix-xewqa li tibcdel u ġġedded, dawn tagħmilhom. Irridu naħsbu f’kollox b’mentalità ġdida u imġedda. Il-propġetti kollha ta’ Project Green, l-użu ta’ konkos kien minimu immens naħseb u għandi dubji jekk użajniex konkos f’xi wieħed mill-proġetti. Tajna eżempju lill-periti u landscapers ta’ kif jistgħu ikunu proġetti sostenibbli. Rajna li jkun hemm aktar siġar indiġeni. Kuntent ħafna b’dawn il-proġetti.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport