Saturday, December 21, 2024

“Iddispjaċut… m’iniex intimidat u fejn hemm bżonn se nitkellem iżjed” – l-eks PM Joseph Muscat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Permezz ta’ filmat imxandar fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar xogħol li hu magħruf li għamel; xogħol li għamel wara li temm il-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru,  ma’ kumpanija li għandha xi tip ta’ relazzjoni mal-isptarijiet.

Muscat qal li l-Pulizija talbuh biex ifittxu dwar dokumentazzjoni ta’ dan kollu. Huwa żied jgħid li hu kien ħejja file sħiħ f’Novembru li għadda bi preparament wara artiklu li prova “iħammiġni u nimplika li dan il-kuntratt ta’ miljuni kbar, tħallast u tħallast 60,000 għal xogħol li m’għandu x’jaqsam xejn mal-isptarijiet f’Malta. Jien dan ix-xogħol tħallast tiegħu u ħallast it-taxxa… l-istorja ma tiqafx hawn”.

Muscat qal li kien talab lill-Maġistrat Vella biex jixhed u jnaddaf ismu dwar din l-allegazzjoni tal-miljuni fi ħlas. L-eks Prim Ministru qal ukoll li kien proprju fl-aħħar sigħat għamel rikors u reġa’ qal li hu kien lest li jippreżenta d-dokumentazzjoni kollha li hemm bżonn biex dak li kiteb u allega d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jiġi vverifikat li mhuwiex minnu.

Muscat żied jgħid li l-Pulizija talbuh l-mobile tiegħu li ma kellu l-ebda problema, iżda li ra żejjed kien li tfal ta’ 14-il sena tteħdilhom il-mobile ukoll meta lanqas hu stess ma jaf dwar dak li għandhom fil-ħajja privata tagħhom.

“Iddispjaċut għaliex dak kollu li għamilt għal pajjiżna dejjem għamiltu mill-qalb. Nifhem il-ġlieda politika imma ma nixtieqx li l-qasam tal-ġustizzja ma jkollux l-ebda farka ta’ nuqqas ta’ kreddibiltà. Kif inhi u kif ġraw l-affarijiet inħoss li sfortunatament din l-inkjesta naqqsitilha l-kreddibiltà. Biss jekk kien hemm min jaħseb li b’dan il-mod se jintimidani, ngħidlu li r-riżultat se jkun bil-maqlub. Ir-riżultat ikun li jekk hemm bżonn nitkellem aktar. Is-Sibt għandi l-birthday, nibda paġna ġdida, inkun għamilt sentejn noqgħod għal kwiet kemm jista’ jkun forsi nibdew it-tielet sena nagħmlu daqsxejn iktar storbju u nitkellem aktar anke wiċċ imb wiċċ man-nies għax nerġa’ ngħid dak kollu li għamilt għal pajjiżi għamiltu bl-aqwa intenzjonijet. Żgur li dak li qed niġi akkużat bih mhuwiex minnu u l-provi kollha li ressaqt jippruvaw dan kollu ”, tenna jgħid Muscat.

Ekonomija

Sport