“Ieqfu xandru dettalji dwar il-każ, dettalji dwar il-minuri, inkluz dokumenti u ritratti tagħhom”

- il-Qorti dwar koppja li fuq siti soċjali kienet għaddejja b’kampanja dwar deċiżjoni li tteħdulhom uliedhom

Aqra wkoll

Il-każ ta’ koppja li b’mod regolari kienet qiegħda tkun fuq il-midja soċjali b’kampanja sħiħa kontra deċiżjoni li wasslet biex itteħdulhom it-tfal, kellha żvilupp fl-aħħar sigħat hekk kif il-Qorti ordnat lill-koppja biex tieqaf ixxandar dettalji dwar il-każ, dettalji dwar il-minuri inkluż dokumenti u ritratti tagħhom. Dan ġie deċiż wara rikors li sar mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal.  Il-Qorti ċaħdet it-talba li jitnehhew posts u video diġa mxandrin.

Ir-Rikors tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali kien ippreżentat lejn l-aħħar ta’ Ġunju u fih intalab il-ħruġ ta’ mandat ta’ inbizzjoni sabiex izomm lill-koppja milli “jkomplu ixandru informazzjoni jew kontenut ta’ dokumenti li jitrattaw mal-minuri  fuq kwalunkwe pjattaforma nkluż dik soċjali, jieqfu jagħtu informazzjoni jew dokumentazzjoni lil terzi persuni u jneħħu kull post, video li diġa ġie imxandar fuq pjattaforma soċjali u dan fl-aħjar interess tal-istess minuri”.

Il-fatti jirrigwardaw proċeduri ġudizzjarji fejn id-Direttorat ħa passi fit-termini u setgħat li ttih il-liġi tramite il-Kapitolu 602 tal-Ligijiet ta’ Malta, sabiex jikkawtela l-interessi tal-minuri, tfal ta’ din il-koppja. 

Minn naħa tagħha l-koppja tikkontendi li t-tfal tagħhom ttiħdulhom b’mod illegali u tqiegħdu taħt il-kura ta’ ħaddieħor b’mod qarrieq. Għal dan il-għan nidew kampanja fuq il-midja soċjali sabiex iwasslu l-fehma tagħhom. Jidher li Leo Said, qed jghin lill-kopja b’xandiriet separati fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu. Id-Direttorat allega li waqt dan ix-xandir qed ikunu żvelati dettalji u dokumenti dwar il-minuri minkejja twissija tal-Qorti tal-Appell  li l-proċeduri huma bil-magħluq, liema zvelar allura qed ikun ta’ preġudizzju għall-istess minuri.

Id-Direttorat esebixxa  ix-xandiriet fejn il-kopja tidher qed tagħmel kampanija kontra t- teħid tal-minuri bir-ritratti tagħhom għall-viżjoni ta’ kulħadd u b’dikjarazzjonijiet kontra għand min qegħdin it-tfal.  

Il-Qorti qalet li hi tal-fehma li xandir b’dawn id-dettalji kollha għandu jieqaf minnufih. Tenniet li “dan ma għandux jiftiehem daqs li kieku l-Qorti qed twaqqaf lill-koppja milli jitkellmu b’mod ġenerali fuq il-liġi u kif jifhmuha huma dwar il-poteri tad-Direttorat iżda jkun ta’ interess għalihom għall-ġid ta’ uliedhom li ma jagħmlu ebda referenza diretta jew indiretta lejn il-proċeduri pendenti inkluż, iżda mhux limitat għad-dettalji tal-minuri kif ordnat mill-Qorti tal-Appell”.

Intqal li “l-Qorti qed taqta’ u tiddeciedi b’mod definittiv dan ir-rikors billi tqis li fuq bażi prima facie d-Direttorat għandhom jedd x’jikkawtelaw skond il-liġi u għalhekk qed tilqa’ t-talbiet tagħhom, limitatament fil-konfront tal-koppja  b’mod li għandhom jieqfu milli jxandru, dettalji dwar il-każ, dettalji dwar il-minuri, inkluż dokumenti u ritratti tagħhom, filwaqt li tiċħad it-talba tad-Direttorat kwantu talab li jitneħħew posts u filmati diġa mxandrin”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport