Sunday, December 22, 2024

Iffirmat ftehim b’offerti vantaġġjużi tat-telekomunikazzjoni għall-anzjani

Aqra wkoll

Anzjani ta’ ’l fuq minn 60 sena u li għadhom jgħixu fil-komunità se jkunu qed jibbenefikaw minn offerti ġodda u vantaġġjużi tat-telekomunikazzjoni biex b’hekk jifdlilhom aktar flus f’buthom.

Dan permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva flimkien mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni EPIC.

Ritratt: Pierre Sammut – DOI

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif dawn l-offerti ġodda jagħmlu parti mill-Iskema ta’ Skontijiet għall-Anzjani. Permezz ta’ dan il-ftehim, anzjani li jippreżentaw il-Karta tal-Identità Maltija se jkollhom offerta fuq il-‘Monthly Mobile Plan’, fejn għal prezz ta’ €14.99 fix-xahar se jibbenefikaw minn 8GB data lokali kif ukoll minn telefonati u SMS bla limitu, kemm lokali kif ukoll fl-UE u fl-Ingilterra.

Għaldaqstant, aktar anzjani se jkunu qed jiġu mħeġġa jużaw metodi teknoloġiċi varji ta’ komunikazzjoni fil-komunità u b’hekk tkompli tissaħħaħ il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni attiva permezz tat-teknoloġija.

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li ppresjeda l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, sostna li dan huwa xhieda oħra ta’ ħidma mill-gvern mas-settur privat sabiex jibqgħu jitwettqu proġetti b’risq is-soċjetà Maltija.

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. Ritratt: Pierre Sammut – DOI

Il-Ministru tenna li wara snin twal ta’ ħidma b’risq is-soċjetà u l-familji tagħhom, l-anzjani Maltin u Għawdxin jixirqilhom ħajja diċenti b’servizzi tal-ogħla livell li huma ssussidjati jew imħallsa mill-Gvern. Huwa fakkar li kien dan il-Gvern li għal sena wara oħra, sa mill-2013, żied il-pensjonijiet tal-anzjani.

“Nistieden l-investituri lokali sabiex iħejju proposti ta’ kif nistgħu naħdmu flimkien sabiex jiġi assigurat li s-settur tal-anzjanità f’Malta jkompli jissaħħaħ u jilħaq livell ta’ eċċellenza,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport