Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn Housing Projects Solution Ltd, entità li tifforma parti mid-dekasteru tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, u l-UĦM – Voice of the Workers. Permezz ta’ dan il-ftehim, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, u li se jkopri perjodu ta’ erba’ snin bejn l-1 ta’ Jannar tal-2025 u l-31 ta’ Diċembru tal-2028, 22 impjegat fil-gradi ta’ foreman u tradesperson se jaraw titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.
L-impjegati konċernati se jirċievu żieda kollettiva annwali li tvarja minn €1,290 sa €1,358 għall-grad ta’ foreman u minn €1,175 għal €1,233 għall-grad ta’ tradesperson. Barra minn hekk, iż-żewġ gradi se jirċievu inkrement żieda ta’ €354 u €336 rispettivament, sakemm jilħqu s-salarju massimu għall-grad tagħhom.
Fl-istess waqt, dawn l-impjegati se jirċievu allowance annwali ta’ €650. Barra minn hekk, impjegati li għandhom sengħa u li d-dmirijiet tagħhom jaqgħu taħt il-kappa tas-sengħa rispettiva tagħhom u huma ċċertifikati mill-Management se jirċievu allowance annwali addizzjonali ta’ €1,700.
Il-ftehim kollettiv ġdid ġie ffirmat miċ-Ċermen u mill-Kap Eżekuttiv ta’ Housing Projects Solution Ltd George Meli u George Lauria rispettivament, kif ukoll minn Mario Sacco u Antoinette Aquilina, Direttur u Senior Manager tat-Taqsima tal-Entitajiet Pubbliċi tal-UĦM. Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u l-Kap tal-Industrial Relations Unit fi ħdan is-Servizz Pubbliku, Thomas Woods.
Wara l-iffirmar tal-ftehim kollettiv, il-Ministru Galdes sostna li dan huwa ftehim kollettiv li se joffri pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lill-impjegati konċernati. “Permezz ta’ dan il-ftehim qed inkomplu npoġġu l-ħaddiem fuq quddiem, speċjalment meta qed nirrikonoxxu l-importanza tas-snajja’ li dawn għandhom fost il-ħiliet personali tagħhom. Mhix biss kwistjoni finanzjarja, iżda tali ftehim huwa messaġġ li bħala gvern għandna għal qalbna s-snajja’ tal-ħaddiema tagħna u li din jixraqilha l-importanza mistħoqqa.”
Min-naħa tagħha, Antoinette Aquilina sostniet li l-UĦM – Voice of the Workers tilqa’ dan il-ftehim kollettiv ġdid bħala pass sinifikanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u stabbiltà finanzjarja għall-impjegati affettwati. “Dan il-ftehim jiżgura li l-impjegati jirċievu żidiet mistħoqqa matul il-perjodu rispettiv. Il-UĦM tibqa’ impenjata li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha kif ukoll li dawn jingħataw kumpens ġust għall-qadi ta’ dmirijiethom”.