Monday, December 9, 2024

Iffirmat ftehim li se jkompli jsaħħaħ ir-riċerka fis-settur tal-akwakultura f’Malta

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said kienet preżenti f’Korsika għall-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim bejn l-Aġenzija Aquatic Resources Malta (ARM) u ċ-Ċentru Franċiż ta’ Riċerka tal-Università Stella Mare.

Iċ-Ċentru tal-Università Stella Mare huwa ċentru modern u avvanzat ħafna li għandu profil mifrux ta’ riċerka u proġetti ta’ konservazzjoni fuq għadd ta’ speċi bħar-rizzi, id-denċi, il-pixxispad, il-gajdri (oysters), l-awwisti (lobster) li huma ta’ interess għall-Aġenzija Aquatic Resources Malta kif ukoll għal Malta.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li dan il-ftehim se jkompli jibni fuq ix-xogħol li qed isir mill-Aġenzija ARM fis-settur tal-akwakultura f’pajjiżna. Kompliet li dan il-ftehim huwa wieħed minn ħafna  li din l-Aġenzija għandha ma’ pajjiżi oħrajn u b’hekk qed tkompli tkabbar l-għarfien tagħha fir-riċerka li ssir.

“Waqt din iż-żjara stajna naraw ir-riċerka li ssir minn dan iċ-Ċentru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tkabbir tar-rizzi biex permezz ta’ hekk inżidu fuq ir-riċerka li diġà qed issir f’pajjiżna permezz tal-Aġenzija ARM. Ninsab fiduċjuża li b’kollaborazzjonijiet simili, maċ-Ċentru Universitarju Franċiż, iservu ta’ ġid kemm għall-impjegati kif ukoll għas-settur u għal pajjiżna,” stqarret is-segretarju parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Frank Fabri spjega kif l-aġenzija ilha għaddejja b’diskussjonijiet maċ-Ċentru Stella Mare minn Mejju fejn anke saret żjara b’numru ta’ laqgħat f’Lulju f’Korsika. Huwa tkellem dwar kif dan il-ftehim se joffri opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp għall-impjegati fl-akwakultura tal-Aġenzija Maltija kif ukoll riċerka konġunta mal-Università Franċiża.

Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija Frank Fabri u l-President tal-Università ta’ Korsika Dominique Federici.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport