Monday, December 9, 2024

Mixli li kkorrompa Surġent tal-Pulizija

Aqra wkoll

Il-Pulizija mhix teskludi li tarresta u tressaq fil-Qorti aktar persuni b’rabta mal-każ li fih allegatament kienet qiegħda tiġi żvelata informazzjoni sensittiva lil terzi persuni dwar rejds li kellhom isiru b’rabta ma’ diversi investigazzjonijiet. 

Dan id-dettall ħareġ fil-Qorti hekk kif tressaq Ruud Buhagiar ta’ 30 sena minn Marsaskala li qed ikun mixli li fil-21 ta’ Novembru 2024 u fil-ġimgħat, xhur u snin ta’ qabel, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali u li kkorrompa uffiċjal pubbliku.

Buhagiar ġie mixli wkoll li kien kompliċi f’każ dwar allegat traffikar ta’ droga, li assoċja ruħu ma’ persuni oħra bl-iskop li tiġi ttraffikata d-droga f’Malta, li kellu l-kannabis fil-pussess tiegħu li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, li għamel użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u li sar reċediv. 

Fil-Qorti nstema’ kif lejn l-aħħar ta’ Ottubru li għadda, kienet saret investigazzjoni b’rabta ma’ rapport li potenzjalment kienet se ssir serqa minn residenza f’Birżebbuġa. Intqal li din is-serqa ma saritx u l-Pulizija kienet infurmata li persuna minn ġewwa l-Korp kienet allegatament għaddiet informazzjoni f’dan ir-rigward lil terzi persuni fosthom lill-imputat. 

Minn hemm ittieħdet id-deċiżjoni li jinħareġ mandat fil-konfront tiegħu u anke fil-konfront tas-Surġenta li ġiet arrestata. Mid-data li ġiet estratta mill-mobile phone tiegħu nstabet informazzjoni dwar diversi operazzjonijiet li kienu jinvolvu pulizija b’konnessjoni ma’ rejds li kienu se jsiru mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u Taqsimiet oħra fi ħdan il-Korp. 

Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-fatt li l-investigazzjoni għadha għaddejja dwar persuni oħra li jista’ jkun li jiffurmaw parti miċ-ċirku li fih allegatament kienu involuti s-Surġenta u l-imputat. Dan filwaqt li hemm data oħra li għad trid tiġi analizzata u xhieda oħra li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, qalet li fid-dawl kemm tan-natura tar-reati li bihom qed jiġi akkużat Buhagiar kif ukoll tal-fatt li għad hemm xhieda li għad iridu jixhdu fil-każ, qiegħda tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

Sadanittant, il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li tinħareġ ordni ta’ ffriżar tal-assi fil-konfront tal-imputat, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Christina Delia u Lydon Zammit. Għal Buhagiar dehru l-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin. 

B’rabta ma’ dan il-każ, is-Sibt li għadda tressqet ukoll l-eks Surġent tal-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 28 sena li ġiet mixlija b’akkużi serji fosthom kompliċità fi traffikar ta’ droga, li wettqet atti ta’ ħasil ta’ flus kif ukoll li żvelat informazzjoni interna tal-korp. Hija kienet wieġbet mhux ħatja tal-akkużi u baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport