Saturday, December 21, 2024

Ifraħ u ferraħ

Jikteb Fr Mario Attard

Aqra wkoll

F’dawn iż-żminijiet hekk sbieħ u ħelwin tal-Milied ngħaddi minn ħdejha biex immur nieħu posti mal-patrijiet ħuti ħalli magħhom nitlob it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum fil-Knisja. Kull darba li ngħaddi minn quddiemha naralha bħal mafler, minn dawk li jilbsu s-sapporters tal-futbol.

Issa, din l-imbierka ta’ siġra, naf fuq li naf li ma żżomm ma’ ħadd miskina. Hi waħda minn dawk li qagħdet kif poġġewha. Mhix bħal dawk li jgħidu hekk imbagħad jaqilbu d-dinja ta’ taħt fuq għax xorta waħda jagħmlu dak li tgħidilhom rashom. Mela, din is-siġra, ma tparlax żejjed u lanqas nieqes. Imma tibqa’ hemm, tal-post, għax ma tgħid xejn.

Darba minn dawn il-jiem ta’ tħejjija għall-Milied fettilli niffissa ħarsti lejha aktar minn tas-soltu. Niftehmu, ma ħarsitx lejja bl-ikraħ tafux u lanqas ma tagħtni xi ħarsa li riedet tqattagħni biċċiet biha. Xejn affattu. Din baqgħet biss ċassa u ħallietni nħares lejha bil-kwiet u l-kalma kollha.

X’rajthilha

Meta qgħadt inħares lejha dehrli li rajtilha żewġ kelmiet tassew sbieħ. Liema kelmiet li fi żminijiet aktar imbegħda fl-istorja tat-televiżjoni Maltija tant konna nsemmuhom: Ifraħ u ferraħ.

Din il-frażi ma kinitx xi waħda ġdida għalija tafux. Kemm-il darba smajtha, u smajtha, u smajtha, u smajtha, u fl-aħħar kont se nsodd widnejja għaliha u ngħidilha: Aqtagħha! Imma wara li qgħadt nagħrbel ftit il-biċċa ma rajtx li kien ta’ min jagħmel plejtu fuqha. Għalhekk ħallejtha tgħid imma mhux mingħajr ma nħalliha tkellimni, inħalliha tgħid imma mhux mingħajr ma turini xi ħaġa. Wara kollox, u kif tgħallmuni intom, fil-ħajja kulħadd jgħallmek. Mhux hekk? Għalhekk fil-ħajja isma’ lil kulħadd għax jekk tagħlaq widnejk għal xi ħadd taf tagħmel qassata tal-qassatat. Tinsiex li fil-ħajja kollox hu ċiklu u, f’xi żmien, kollox jerġa’ jiġi lura għandna.

Ifraħ

Il-Milied hu żmien ta’ ferħ. Biżżejjed naraw dak li tgħidilna l-liturġija mqaddsa fuqu, jiġifieri t-talb uffiċċjali tal-Knisja. Il-kelma “ferħ” hi waħda li titla’ ħafna fil-wiċċ f’dawn iż-żminijiet hekk sbieħ.

Nimmaġinak li għall-aħħar aġġettiv li użajt, “sbieħ”, int waqqaft widnejk u forsi, b’mod ċiniku, taf tgħidli: “Hekka żminijiet sbieħ ukoll? Hemm ara xi gwerer għaddejjin u xi nkwiet hawn.” Veru. Ma nagħtikx tort. Għax li naslu biex Bambin tal-Milied jispiċċa armat fil-ħerba tal-waqgħa tal-bini veru li qegħdin gravi! Iwa ħbieb! Din, b’qasma ta’ qalb, hi parti mir-rejaltà li għaddejja bħalissa mhux bogħod minn pajjiżna. U taqsam qalbek taħseb fuq dan, aħseb u ara mela jekk tkun fiha.

Tiskanta hux kif naqra ta’ Bambin sar il-mikrofonu tal-bniedem li qed ibati. U tifhimha! Għax hu sar bniedem, bħali u bħalek. U, dan il-fatt sagrosant, aktar jwaħħdu magħna. Minn daqsu jista’ jifhem u jfisser x’inhu l-bniedem u minn xiex jgħaddi? Għalhekk ĦADD daqs Ġesù ma jista’ jgħid min hu l-bniedem u kif għandu jiġi ikkurat. Għax Hu nnifsu sar wieħed minna, ġie imnissel, twieled, trabba, għex, beka, feraħ, bata u miet għalina. U wara dan iċ-ċiklu kollu ta’ ħajja mgħoddija għalik u għalija, Alla Missieru u Missierna qajmu minn bejn “l-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu” (Rum 6:9).

Issa dan il-fatt għandu fuq li għandu għax iferraħna u jferraħna bil-bosta! F’Ġesù għandna l’ “Alla [li] għadu ħadd ma rah” (Ġw 1:18) isir wieħed minna biex jurina min Hu. F’Ġesù għandna l-għalliem veru ta’ xi tfisser tkun iben u bint t’Alla, li tkun bniedem u bniedma u li tgħix mal-oħrajn ta’ bniedem u bniedma. F’Ġesù nafu x’inhi l-vera mħabba li hi biss timla’ lil qalbna. L-imħabba hi n-nifs li mingħajru ma ngħaddux. Huwa biha li aħna nistgħu nkunu tabilħaqq dak li aħna u dak li ġejna maħluqa għalih sa minn dejjem. Bl-imħabba, li tfisser ukoll li aħna ġejna mifdija, aħna ulied ta’ l-istess Missier u aħwa ta’ Ġesù li sar wieħed minna.

U quddiem dan il-messaġġ hekk sabiħ xi tridna nagħmlu jekk mhux li nifirħu? U nifirħu fuq li nifirħu?

Il-missjoni tal-ferħ

Il-ferħ veru għandu fih missjoni, dik li jinqasam mal-oħrajn. Kemm tabilħaqq togħġobni s-silta meħuda mill-profeta Iżaija li titħaddet fuq il-missjoni tal-Messija. F’din is-silta ferm sabiħa, il-profeta tal-faraġ u tat-tama, jgħid hekk: “Bagħatni ndewwi l-qalb miksura” (Iż 61:1).

Mejjet biex inħalli lill-Ispirtu s-Santu jniżżilni ftit fil-fond ta’ dan il-vers hekk importanti. Ir-raġuni li qed ngħid hekk tafuha lkoll. Nafu biżżejjed kemm hawn madwarna qlub miskura u li qed jitolbu għal ftit faraġ. Ibda biex minħabba ċertu mard jew aħjar “il-marda” li hawn iddur fostna u li jien, bi grazzja tal-Mulej, għandi l-grazzja li nimxi ma’ dawk li għaddejjin minn dan is-saram kbir. Barra minhekk jeżiżti wkoll il-ksur tal-qalb li int u jien ngħaddu minnu inkella li ħaddieħor jgħaddina minnu bil-mod kif iġib ruħu magħna.

Jogħġobni wisq il-verb fl-oriġinal Lhudi (la·ḥă·ḇōš) li jfisser torbot, iddewwi, tagħti serħan, tfejjaq, tmexxi, tgeżwer, tiddedika, iġġerraħ, iddedikat u l-bqija. U dan il-verb se norbtuh ma’ nom Lhudi (lə·niš·bə·rê-), jew aħjar dawk ta’ qalbhom miksura. Ma ninsewx li l-verb Lhudi (shabar) jfisser li tħassar, tkisser, tkisser biċċiet, twassal sal-punt, imkisser, qalb maqsuma, waqa’, mfarrak, imwaqqa’, imweġġa’, mifqugħ, imqatta’ biċċiet, mħatt, maqsum u l-bqija.

Hawn fostna min iħossu mħassar, mkisser, imkisser biċċiet, imwassal sal-punt (sal-estermità), qalbu maqsuma, imwaqqa’, imfarrak, imweġġa’, mifqugħ, imqatta’ biċċiet, mħatt, maqsum u l-bqija? L-esperjenza u l-qalb jitħaddtu waħedhom u żgur li m’għandhomx bżonn min jitħaddet għalihom. Jafu biżżejjed kif qed iħossuhom fis-sitwazzjonijiet. Biex ma ngħidx ukoll li jien u int għandna bżonn min jifhem lilna wkoll li għaddejjin minn weġgħat siekta mimlijin tilja niket li f’dawn iż-żminijiet jafu jiddennu u jrejħu wkoll.

Meta xi ħaġa tinten jagħtina ferħ ta’ ġenn biex naraw x’nistgħu nagħmlu biex naqtgħulha l-intiena li jkollha magħha. U nagħmlu sewwa! Għax min, għiduli, jrid jgħix f’intiena bħal din? Mela, f’dan il-Milied, ejjew naraw kif ħa nkunu ta’ sapport għal min għandu qalbu maqsuma minħabba għadd ta’ raġunijiet. Hawn bżonn kbir li xi ħadd jorbot dawn il-ġrieħi, iserraħhom mill-uġiegħ, ifejjaqhom, u jiddedika ħin biex jisma’ lil min ġie mweġġa’ bil-għan li jsib ftit tal-paċi f’dawn il-jiem li jiċċelebraw il-ferħ u l-paċi ta’ Betlehem. Dan ifisser li tferraħ.

Is-sehem tiegħi importanti

M’hemmx bżonn li nkun xi professur biex nisma’ lil xi ħadd muġugħ. Kulma rrid hu li niskot, nisma’ u nivvalida dak li qed tgħidli persuna mweġġa’. Imbagħad, għax veru nħobb lil dik il-persuna, nitlob magħha u għaliha. Fl-aħħar nett, ejja nirreferieha għand xi professjonist u saċerdot li jistgħu jgħinuha aktar minni.
B’hekk qed ngħix il-messaġġ tas-siġra tal-Milied li għandna fil-Knisja tagħna, “Ifraħ u Ferraħ”. U bilħaqq, biex inżomm dan l-Ifraħ u Ferraħ għaddej fija ma nagħmilx ħażin li nqerr qrara u li nattendi għall-quddiesa tal-Milied. B’hekk dan il-ferħ ma jibqax biss teorija imma inibbet għeruqu sewwa fija biex jibqa’ hemm is-sena kollha.

Nawgura l-Milied Qaddis lilek u lill-familja tiegħek!

Ekonomija

Sport