Saturday, May 18, 2024

“Sakemm il-bambin jagħtini s-saħħa, se nibqa’ għaddej”

Intervista mal-presepist ta’ talent kbir, Manuel Vella… Namra għal arti li bdiet minn ċkunitu u saret parti kbira minn ħajtu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Dejjem kont naffaxxina ruħi bil-presepji. Qatt ma kont persuna li nħobb inqatta’ l-ħin quddiem it-televiżjoni u dejjem kont ngħid bejni u bejn ruħi li rrid nagħmel xi ħaġa tal-id. L-interess fil-presepji beda minn ċkuniti, meta kelli bejn seba’ u tmien snin. Niftakar li ħdejna kien hemm esebizzjoni ta’ presepju kbir fl-istitut tas-Sindku. Din kienet l-ewwel darba li ġejt espost għall-presepji u minn hemm, ta’ kull sena, kont immur nara dawn il-presepji li b’kumbinazzjoni kienu taz-ziju tiegħu, Pawlinu Pavia”.

Hekk irrakkontalna Manuel Vella, presepist b’talent kbir li ta’ kull sena u tul is-sena kollha, l-hena tiegħu joħloq presepji uniċi u mill-isbaħ. Huwa li minn mindu kien daqsxejn ta’ tfajjel kien iħobb ix-xogħol tal-idejn, ftit dak iż-żmien kien jaf li l-presepji tradizzjonali u magħhom il-kultura Maltija, se jkunu parti kbira minn ħajtu. F’din l-intervista Vella jurina l-faxxinu ta’ din it-tradizzjoni ħelwa popollari f’dawn iż-żminijiet ta’ festi li fihom infakkru t-twelid ta’ Ġesù fl-għar ta’ Betlem. Huwa proprju l-lejl tan-Natività li tiġi mmortalata bix-xogħol artiġġjanali tal-presepji, dekorazzjoni tal-Milied li hija tant għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin.

Dan iż-Żejtuni, li fil-ħin liberu tiegħu jagħmel ta’ mill-inqas jagħmel 12-il presepju fis-sena, qalilna kif bdiet din in-namra kbira tiegħu. “Ġara li darba minnhom, meta kelli madwar 39 sena, kien hemm ħabib minn tiegħi li tani presepju. Kien hemm biċċa li ma għoġbitnix u xtaqt nibdlu imma qalli biex ‘nieħu paċenzja’ u nibdilha jien. Hekk għamilt. Biddiltha. Inżilt fil-garaxx u jiena u naħdem fuq dan il-presepju bdew jidħlu n-nies biex jaraw”.

Bi tbissima fuq wiċċu Vella spjegalna kif ix-xogħol tal-id u tal-presepji ma kinitx il-linja li kien ħa bħala student. Fil-fatt huwa kien studja u ħadem fl-inġinerija elettronika fejn beda mal-Public Works, imbagħad mar jaħdem fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u wara fid-Dwana. Sadanittant huwa kien jagħmel ukoll volontarjat mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun. Kien fl-2015 li mar bħala kordinatur mal-Valletta 2008 biex insiru l-Belt Kapitali Ewropea.

Min-naħa tiegħu stqarr li dejjem xtaq li jkun involut fil-linja tal-kultura Maltija u fil-fatt kien jagħmel ħafna volontarjat fil-qasam. Spjega li, “Alla jaħfirlu s-Sur Joe Attard kien ħeġġiġni ħafna biex nidħol f’dan is-settur u hekk għamilt tant li maż-żmien qlibt full time u għadni għaddej”.

“Ix-xogħol tal-id inħobbu ħafna”

Dan il-presepist irrealizza li x-xogħol artiġġjanali tal-presepji kien passatemp li jogħġbu ħafna għax huwa xogħol tal-idejn. Wara li ra interess anke min-nies f’dak li kien qiegħed joħloq, beda jagħmel il-presepji fil-garaxx.
“Bdejt iniżżel xi ġablo u kulħadd beda jistaqsini jekk għandix presepji għall-bejgħ. Imbagħad spiċċajt li flok naħdem fil-garaxx, mort fuq għax il-ħinijiet li taħdem il-presepji jkunu differenti. Ġieli l-muża tiġik fit-3.00 ta’ filgħodu. Inqum u nibda naħdem hemmhekk. Issa għandi workshop fuq u fil-garaxx inżomm il-presepji għall-esebizzjoni u dawk ordnati.

Ta’ kull sena jkolli madwar 12-il presepju ordnat barra dawk in-nies li jiġu u jagħżlu milli jkolli. Ikun hemm anke l-kompetizzjonijiet li jitolbuni biex intella’ xogħol minn tiegħi. Suppost, l-aktar xahar xahrejn li nkun qiegħed nieħu gost, nispiċċa l-aktar li nkun bieżel,” qal b’ton sodisfatt Vella.
L-iżgħar presepju li għamel dan il-presepist kien ta’ kważi ħames ċentimetri ġo kaxxa taċ-ċikkulatini mentri, l-akbar kien madwar metru u nofs.

Il-vera sinjifikat tal-Milied…

Meta wieħed janalizza sew, jagħraf li l-presepju Malti huwa popolari u tul il-snin baqa’ mfittex. Vella kkonferma dan fejn qal li, “biss biss f’Malta għandna 68 Kunsilli Lokali u jekk tara n-numru tal-presepisti, ngħidlek li f’kull Kunsill hemm aktar minn 10. Ix-xogħol tal-presepju huwa xogħol li jsir bħala part time aktar milli xogħol full time. Huwa aktar namra, delizzju u tradizzjoni għax ikunu jħobbuh. Imma, tistkanta, is-sena kollha naħdmu fuqhom. Il-presepisti jonfqu ħafna flus biex jagħmlu l-esebizzjonijiet. Id-Direttorat tal-Kultura jgħinhom billi jtella’ korsijiet b’lecturers fejn isiru anke workshops bħala taħriġ. Ngħinuhom ukoll bħalma għamilna riċentement meta morna l-Museum of the Bible f’Washington, fl-Istati Uniti”.

Min-naħa tiegħu jikkalkkula li 75% tad-djar f’Malta għandhom jew presepju jew bambin. Għalih, is-sinjifikat veru tal-Milied huwa li fid-dar ikun hemm jew presepju jew inkella bambin. Mistoqsi jekk fiż-żminijiet tal-lum, il-presepju baqax popolari daqs kemm kien fl-imgħoddi, Vella qalilna li, “bħala presepisti aħna m’aħniex kontra l-konsumiżmu. Il-konsumiżmu huma l-affarijiet l-oħra bħall-figura ta’ Father Christmas u l-villaġġi tal-Milied. Imma dawn, mhumiex il-vera sinjifikat tal-Milied. Huma sbieħ u t-tfal jieħdu pjaċir bihom. Is-siġra tal-Milied hija l-aktar li baqgħet popolari. Ġiet fi żmien l-Ingliżi u baqgħet għaddejja imma l-presepju wkoll qiegħed b’saħħtu. Dan grazzi mhux biss għad-Direttorat imma anke għall-NGOs, il-Kunsilli Lokali u l-individwi. Jien ngħid lil dawk li huma dilettanti, biex imorru jitgħallmu. M’inix nara li t-tradizzjoni tal-presepju se tintilef”.

“Arti li għandna nżommuha fiċ-ċentru tal-familja”

Vella qalilna kif hawn min huwa presepist u wara l-Milied, lanqas iżarma l-presepju. Diment li għandu l-ispazju għalih, dan jibqa’ għaddej bih is-sena kollha. “Il-presepju huwa arti u huwa element li għandna nżommuh fiċ-ċentru tal-familja. Għandna nirrispettaw minn fejn bdejna – minn biċċa kaxxa taż-żraben u issa wasalna f’dan il-livell fejn il-presepisti u l-NGOs mhumiex jibqgħu Malta biss, imma qegħdin nimirħu aktar ‘il bogħod minn Malta. Morna Vjenna, Betlem, il-Vatikan u issa tlajna l-Amerika. Dan ifisser li l-presepju tradizzjonali Malti huwa apprezzat,” kompla dan il-presepist.

Huwa saħaq li għandna nħobbu u ngħożżu din it-tradizzjoni Maltija u żied li l-presepju dwar in-Natività, li huwa kult reliġjuż li m’għandux jintilef. Bħala Direttorat qegħdin jaħdmu mhux biss fuq il-kult reliġjuż jew l-element tal-presepji imma wkoll fuq diversi tradizzjonijiet li għandna nissalvagawrdjaw biex ma jintilfux.

Elementi mill-kultura tagħna b’rikonoxximent internazzjonali

Il-presepju huwa parti mill-kultura tagħna u huwa ta’ importanza għall-identità bħala Maltin. Dan bħalma huma tradizzjonijiet oħra. Vella, li barra li qiegħed fis-settur kulturali fid-Direttorat tal-Kultura, qiegħed fl-uffiċċju tal-Intangible Cultural Heritage (ICH), dawk l-elementi u tradizzjonijiet li tkun tista’ taħdem bħalma huwa l-presepju. Min-naħa tiegħu Vella ħabbar li s-sena l-oħra l-presepju Malti ġie mdaħħal fl-inventarju nazzjonali Malti. Ma ninsewx li bħala Direttorat kellhom ukoll il-ftira u l-għana fil-UNESCO u għandna kemm ikkonfermmajna l-Festa Maltija.

Vella infurmana li, “għall-presepju għad jonqos imma qegħdin hemm. Għalissa però, qegħdin naħdmu fuq elementi oħra tajbin fosthom il-melħ u l-bizzilla. Dawn huma kollha tradizzjonijiet li għaddewlna missirijietna b’wirt. Jien kont nisma’ lill-Professur George Cassar tal-Mosta li kien qal li l-unika problema li għandu hija li dak l-artiġġjanat li ma jkunx juri x’qiegħed jagħmel… kollox bil-moħbi, għax ma jkunx dokumentat. Meta jkun dokumentat, almenu jkun hemm dik l-istorja u l-kontinwazzjoni għat-tfal tagħna”.

Għalhekk importanti l-kontinwazzjoni. B’dan il-mod, il-kultura u t-tradizzjonijiet sbieħ li għandna bħala Maltin, inkluż il-presepju, jibqgħu ħajjin u jintirtu tul is-snin. Bħalma gawdejnihom aħna, igawduhom ukoll ta’ warajna.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport